Futbol Sport

Il-flokk ta’ Haley Bugeja f’irkant fuq il-programm Replay b’risq iċ-ċkejken Luca

Illejla Replay (Net Television) se jkun qed jagħmel inizjattiva oħra bl-għan li jinġabru aktar flus għaċ-ċkejken Luca, iben il-plejer ta’ Marsa, Patrick Maia li sfortunatament sar jaf li għandu neuroblastoma cancer, u t-tobba qalulu li għandu 50% ċans li jgħix.Maia spiċċa bla xogħol hekk kif il-kuntratt tiegħu ġie fi tmiemu meta ġie deċiż li l-istaġun tal-futbol f’Malta jieqaf ħesrem minħabba l-COVID-19. Minkejja dan, il-klabb xorta waħda qed jibqa’ jgħin lil plejer, kemm bil-wage suppliment tal-Gvern kif ukoll l-ispejjez tal-akkomodazzjoni tal-familja f’Malta fost l-oħrajn. Il-familja ta’ Luca għandha bżonn l-għajnuna biex iċ-ċkejken tagħhom ikun jista’ jagħmel l-interventi li għandu bżonn, bit-tama li jgħix.

Illejla Replay (Net Television), grazzi għall-ġenerożitá tal-plejer internazzjonali Malti, Haley Bugeja se nkunu qed nirkantaw flokk originali ta’ U.S. Sassuolo, bin-numru li tilgħab biħ Bugeja u ffirmat mit-tfajla Maltija, li tant qed tagħmel suċċess lilhinn minn xtutna.Il-flus li se jinġabru għal dan il-flokk iffirmat ta’ Bugeja se jmorru għall-familja ta’ Luca. L-offerti għal dan il-flokk jibdew minn €200. L-irkant għal dan il-flokk jibqa’ għaddej sal-10:30pm waqt Replay, iżda minn issa tistgħu tibgħatulna messaġġ fuq Facebook, bl-offerta tagħkom.Nieħdu din l-opportunitá, li nselmu u nirringrazzjaw lil wieħed mit-telespettaturi ta’ Replay (Net Television), Adrian Tanti li ħa din l-inizjattiva biex ngħinu lil Luca u l-familja tiegħu permezz ta’ dan il-ġest sabiħ minn Haley Bugeja. Il-plejer ta’ Sassuolo, illejla se tkun qed titkellem f’xandira diretta f’Replay, bil-programm jibda fit-8:30pm fuq Net Television.