Il-punt tat-tluq għall-bidla li għandu bżonn il-pajjiż jibda mill-Partit Nazzjonalista stess. Hu importanti li dan jirriabilita ruħu – u n-nies fi ħdanu jbiddlu l-attitutdni – għax hu l-Partit li għandu bżonn jinbidel biex isir l-għażla naturali li kien fil-passat. Għaldaqstant, il-bżonn li l-bidliet isiru llum u mhux li jistenna l-elezzjoni ġenerali.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt li kien qed jiġi intervistat mill-Editor-in-Chief ta’ The Malta Independent, Neil Camilleri.
Mistoqsi dwar l-istħarriġ tal-ġimgħa li għaddiet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-poplu qed iwassal messaġġ lill-Partit li hemm bżonn jiġġedded, b’uċuħ ġodda – mhux bil-fors żgħażagħ – mhux biss fuq it-televiżjoni, iżda fuq kollox fil-Parlament.
Hu qal dan anke b’appell lill-politiċi biex ikunu umli quddiem it-talbiet tal-elettorat. Madankollu, hu faħħar it-talenti li jeżistu fil-Partit Nazzjonalista, fejn tenna li hu japprezza t-talenti ta’ kull wieħed u waħda fil-Partit.
Bernard Grech innota wkoll kif il-proposti tal-Partit għall-qasam tal-Enerġija ntlaqgħu tajjeb ħafna. Madankollu, qal li l-ħidma mhix se tieqaf hawn għax għad fadal x’jittejjeb u x’jiżdied mal-proposti li diġà saru.
Bl-istess mod, il-Partit Nazzjonalista jrid jara x’għandu jsir pereżempju fil-qasam tat-Turiżmu, partikolarment biex infittxu nirkupraw mis-sitwazzjoni li dan is-settur jinsab fih, fosthom anke billi nwessgħu l-prodott turistiku li noffru.
Dwar l-isfidi li qed niffaċċjaw kawża tal-pandemija, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-awtoritajiet qed juru kemm mhux kapaċi jikkontrollaw is-sitwazzjoni u dan qed ikun rifless fir-rabja li għandhom is-sidien tar-ristoranti u l-barijiet, li għadhom magħluqin u lanqas biss jafu meta se jerġgħu jiftħu.
U għalkemm wieħed jifhem li kellhom jittieħdu xi restrizzjonijiet, il-Partit Nazzjonalista ilu jgħid li wħud minnhom ittieħdu tard wisq. Dan filwaqt li għandna naraw li jsir infurzar kif suppost.
Fl-istess waqt, hu qal li l-Gvern għandu jara li l-miżuri l-ġodda li se jkunu qed jiddaħħlu fis-settur turistiku jkunu miżuri li jsiru bi ħsieb. Dan anke biex ikun assigurat li mal-ħażin ma jeħilx it-tajjeb, bħalma ġara fl-aħħar xhur.
Dwar id-diversi rapporti li qed jinħarġu minn żmien għal żmien mill-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubbliku, Bernard Grech qal li Gvern ġdid immexxi mill-Partit Nazzjonalista jara li jkompli jtejjeb fuq it-tajjeb li diġà hemm f’din l-entità. Għax x’inhu l-iskop li jkollok istituzzjoni bħal din, meta mbagħad din ma tkunx tista’ jieħu azzjoni fil-konfront ta’ xi politiku, staqsa.
Bernard Grech qal ukoll li l-Partit immexxi minnu se jkompli jara li dak li ma sarx sew, ikun ikkoreġut. Dan fost l-oħrajn wara d-dettalji skandalużi li ħarġu fl-aħħar ġimgħat fid-deal tal-Electrogas biex jitwassal il-messaġġ li min jidħol fil-politika ma jistax jagħmel li jrid, bħalma ġara fl-aħħar snin.
U dwar l-aħħar żviluppi fil-kwistjoni tad-dekriminalizzazzjoni tal-kannabis, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit immexxi minnu se jkompli jikkonsulta mal-istakeholders kollha possibbli qabel ma jippreżenta l-proposti finali tiegħudwar din il-kwistjoni.
//= $special ?>