Futbol Sport

Il-UEFA bi stqarrija kontra l-‘European Super League’

(Ritratt: EPA)

Fi stqarrija konġunta il-UEFA, il-Premier League, l-FA Ingliża, il-federazzjonijiet Spanjoli u Taljani kif ukoll il-La Liga, ħarġu jikkritikaw il-proposta tal-European Super League li mistennija toħroġ fis-sigħat li ġejjin.

Il-UEFA saħqet li l-klabbs involuti se jkunu projbiti milli jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet oħra, f’livell Ewropew jew Internazzjonali, fejn il-plejers jistgħu wkoll ma jitħallewx jirrapreżentaw lit-timijet nazzjonali tagħhom.

Fl-istqarrija il-UEFA saħqet li dan huwa proġett ibbażat biss fuq interess personali u finanzjarju ta’ ftit klabbs, f’mument fejn il-futbol kollu huwa bżonnjuż.

Il-UEFA irringrazzjat lil klabbs Franċiżi u dawk Ġermaniżi li rrifjutaw li jidħlu f’dan il-league, filwaqt li saħqet li se tibqa’ tiġġieled kontra dan il-kunċett.

Aktar tard illum mistennija joħorġu żviluppi rigward il-European Super League, bil-moħħ wara dan il-kunċett ikun il-kap tal-Eurpean Clubs Association Andrea Agnelli, fejn sitt klabbs Ingliżi jidhru li se jipparteċipaw fil-European Super League. Il-klabbs Ingliżi huma Manchester United, Arsenal, Chelsea, Liverpool, Tottenham u iktar tard inagħqdu wkoll Manchester City. Ma’ dawn mistennija jingħaqdu wkoll Real Madrid, Barcelona u Atletico Madrid minn Spanja, kif ukoll Inter, Milan u Juventus mill-Italja.

Il-UEFA ikkonkludit l-istqarrija fejn qalet li qed tikkonsidra kull mezz possibli sabiex ma ssirx din il-kompetizzjonijiet filwaqt li saħqet li l-futbol għandu jkun ibbażat fuq mertu sportiv u kompetizzjonijet miftuħa.