Internazzjonali

Is-Sirja viċin elezzjoni oħra….Mistennija rebħa formalità għal Assad

Bashar Assad

Il-President Sirjan Bashar al Assad mistenni jikkonsolida mill-ġdid il-poter f’elezzjoni presidenzjali ġdida li għandha ssir ix-xahar id-dieħel. Mhux mistenni li Assad jiffaċċja oppożizzjoni serja minkejja s-snin ta’ konflitt qalil f’pajjiżu u l-fatt li s-Sirja qed tiffaċċja kriżi ekonomika kbira.

Illum, wara għaxar snin ta’ gwerra, il-Gvern Sirjan qed jikkontrolla l-parti kbira taċ-ċentri tal-popolazzjoni fil-pajjiż.

Intant, magħruf li l-elezzjoni għall-President li jkun irid imexxi pajjiżu għas-seba’ snin ta’ wara se ssir fis-26 ta’ Mejju. Il-kandidati prospettivi jistgħu jirreġistraw minn għada, it-Tnejn, waqt li s-Sirjani li jgħixu barra jkunu jistgħu jivvutaw fl-ambaxxati fl-20 ta’ Mejju.

Din se tkun it-tieni elezzjoni għall-Presidenza Sirjana fiż-żmien kollu li ilha għaddejja l-gwerra ċivili.

Il-vot preċedenti, fl-2014, kien ikkonferma lil Assad bħala President bi 92 fil-mija tal-appoġġ popolari. Iżda dan ir-riżultat kien ikkundanat mill-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea li fissru l-elezzjoni bħala ‘eżerċizzju illeġittimu li mar kontra l-kunċett tad-demokrazija’.