Lokali

“Jgħidulna Allaħares ma kienx l-appoġġ tal-Gvern” – Robert Abela dwar is-sidien tar-ristoranti

Filwaqt li stqarr li qed jifhem lis-sidien tar-ristoranti li għadhom magħluqin, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li f’laqgħat li kellu magħhom, dawn qalulu li huma grati għall-għajnuna tal-Gvern.

Robert Abela qal dan f’intervista fuq l-istazzjon Laburista fi tmiem ġimgħa li matulha ħarġu ċifri mill-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering li wieħed minn kull ħames ristoranti għalqu għalkollox f’din l-aħħar sena.

Ir-ristoranti għadhom sal-ġurnata tal-lum ma ngħataw l-ebda indikazzjoni uffiċjali dwar meta hu maħsub li jiftħu l-bibien biex jibdew jippjanaw.

L-istess għall-qasam tal-isport organizzat, fejn il-Prim Ministru għamel biss aċċenn li jifhem is-sitwazzjoni tagħhom, iżda naqas milli jagħti indikazzjonijiet dwar meta se jissoktaw l-attivitajiet sportivi.

Dwar il-governanza, Robert Abela qal li t-tibdiliet fil-ħatriet tal-Ġudikatura saru b’għażla tal-Gvern u fl-ebda mument ma semma’ ċ-ċamati li qala’ l-Gvern Laburista minn diversi istituzzjonijiet, ewlenija fosthom, il-Kummissjoni Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa.

Sadanittant, il-Prim Ministru baqa’ sieket ukoll dwar l-aħħar rapport tal-Kummissarju għall-Istandards li sab li Ministru tiegħu uża fondi pubbliċi għall-promozzjoni personali, iżda iddedika parti sostanzjali mill-intervista ta’ kważi siegħa b’attakki partiġġjani kontra l-Partit Nazzjonalista, saħansitra dwar affarijiet ta’ 30 sena ilu.