Futbol Sport

Juventus megħluba minn Atalanta… Draw bejn Inter u Napoli

(Ritratt: EPA)

Atalanta ħasdu lil Juventus meta f’darhom għelbuwhom bl-iskor ta’ 1-0. Bil-partita destinata għal draw, fis-87 minuta Atalanta skorjaw il-gowl li tagħhom ir-rebħa. Minn corner milgħub qasir, Josip Ilic għadda lejn RUSLAN MALINOVSKY li l-konklużjoni tiegħu kienet mxellfa għal ġewwa biex għeleb lil gowlkiper Wojciech Szczesny. B’hekk Atalanta qabżu lill-istess Juventus biex telgħu fit-tielt post tal-klassifika b’64 punt.

Fl-aħħar partita tal-31 ġurnata – Riżultat ġust f’partita delikata għal Inter li tilfu l-ewwel punti wara ħdax ir-rebħa konsekuttiva. Minkejja dan xorta d-distakk ta’ disa’ punti minn Milan huwa wieħed notevoli filwaqt li Napoli komplew inaqqru punti u issa huma biss tnejn taħt Juventus. Bil-logħob ikun maqsum bl-ebda tim de ċiż li ma jitlifx l-inizjattiva, fis-36 minuta kienu Napoli li fetħu l-iskor. Azzjoni ta’ Lorenzo Insigne, SAMIR HANDANOVIC ħareġ minn postu ostakolat minn Stefan de Vrij u b’xi mod kompla ġewwa għal auto-gowl klassiku. Gowl li bih intemmet wkoll l-ewwel taqsima. It-tieni taqsima fetħet b’Inter aktar agressivi tant li fil-55 minuta kisbu l-gowl tad-draw. Minn azzjoni ta’ Matteo Darmian, b’xi mod kien CHRISTIAN ERIKSEN li għeleb lil Alex Meret għal 1- 1 . Riżultat li biħ intemmet wkoll il-partita.

Milan kisbu rebħa mportanti ta’ 2-1 kontra Genoa biex żammew posthom fit-tieni pos tal-klassifika. Milan fetħu l-iskor fit-13-il minuta meta Pierre Kalulu niżżel tajjeb bir-ras, b’ANTE REBIC jikkonkludi fil-lasta b’xutt minn bara l-kaxxa. Minkejja dan Genoa ġabu l-gowl tad-draw fis-37 minuta meta minn corner minn fuq il-lemin ta’ Miha Zajc, l-eks tal-partita MATTIA DESTRO għeleb li Donnarumma b’daqqa ta’ ras tajba. Iżda Milan skorjaw il-gowl tar-rebħa fit-68 minuta meta minn corner ta’ Hakan Calhanoglu, kien GIANLUCA SCAMACCA li tefa’ fil-lasta tiegħu stess, għal skor finali ta’ 2-1.

Fl-iStadio Renato Dell’Ara Bologna għelbu lil Spezia bl-iksor ta’ 4-1. Bologna fetħu l-iskor fit-12-il minuta, meta Simone Bastoni deher imiss il-ballun b’idu fil-kaxxa, bir-referee jordna penalty. RICCARDO ORSOLINI mill-ħdax-il metru ma żbaljax għal 1-0. Bologna irdoppjaw fit-18-il minuta permezz ta’ MUSA BARROW wara pass ta’ Jerdy Schouten. Spezia naqssu d-distakk fl-34 minuta permezz ta’ ARDIAN ISMAJILI wara corner ta’ Simone Bastoni. MInkejja dan Bologna skorjaw it-tielet gowl fl-54 minuta meta Rodrigo Palacio waqqa’ tajjeb bir-ras lejn MATTIAS SVANDBERG li ikkokluda għal ġewwa. Bologna skorjaw ir-rab’ gowl fis-60 minuta meta għal darb’oħra reġa’ kien MATTIAS SVANBERG li bir-ras tefa’ ġewwa għal 4-1.

F’partita li kellha xejn anqas minn tmien gowls Lazio għelbu lil Benevento bl-iskor ta’ 5-3. Lazio marru fil-vantaġġ fl-10 minuta meta FABIO DEPAOLI tefa’ fix-xibka tiegħu stess. CIRO IMMOBILE irdoppja għal Lazio fl-20 minuta wara pass ta’ Sergej Milinkovic Savic. Lazio żiedu t-tielet gowl fis-36 minuta meta minn penalty JOAQUIN CORREA ma żbaljax wara li Lorenzo Montipo waqqa’ lill-istess Correa fil-kaxxa. Benevento naqqsu d-distakk ma tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ MARCO SAU wara pass ta’ Roberto Insigne. Fit-48 minuta LORENZO MONTIPO tefa’ fil-lasta tiegħu stess għar-raba’ gowl ta’ Lazio. Fit-63 minuta Benevento inagħtaw penalty fejn din id-darba kien NICOLAS VIOLA li kkonverta għal 4-2. Fil-85 minuta Benevento skorjaw gowl ieħor permezz ta’ KAMIL GLIK li kkonkluda ġewwa bir-ras. Iżda fl-aħħar minuta tal-partita kien CIRO IMMOBILE li skorja il-ħames u l-aħħar gowl għal Lazio għal skor finali ta’ 5-3.

Tkompli s-serje pożittiva ta’ Torino li telgħu fil-15 il-post flimkien ma’ Fiorentina u Benevento b’Roma jibqgħu komdi fis-seba’ post.Wara biss erba’ minuti Roma marru fil-vantaġġ .Minn azzjoni ta’ Pedro Rodriguez kien BORJA MAYORAL li għeleb lil Vanya Milinkovic Savic. Vantaġġ minimu li biħ intemmet wkoll l-ewwel taqsima. B’Torino jiftħu t-tieni taqsima fuq l-offensiva fis-57 minuta għamlu l-iskor 1 – 1. Minn cross ta’ Cristian Daniel Ansaldi kien ANTONIO SANABRIA li bir-ras għeleb lil Antonio Mirante. Żdiedet il-pressjoni minn Torino li fit-72 minuta marru fil-vantaġġ. Mirante salva x-xutt ta’ Andrea Belotti b’SIMONE ZAZA jantiċipa biex għamel l-iskor 2 – 1. Fil-85 minuta tkeċċa għal Roma Amadou Diawara b’ammonizzjoni doppja fi tmien minuti . Fil-ħin miżjud kien TOMAS RINCON li minn azzjoni ta’ Andrea Belotti għalaq il-partita 3 – 1 għal Torino.

Ilbieraħ Sampdoria v H.Verona 3-1, Crotone v Udinese 1-2, Sassuolo v Fiorentina 3-1, Cagliari v Parma 4-3 Illum Milan v Genoa 2-1, Atalanta v Juventus 1-0, Bologna v Spezia, Lazio v Benevento 5-3, Torino v Roma 3-1, Napoli v Inter 1-1