Futbol Sport

Man Utd jirbħu lil Burnley u jaqtgħu l-vantaġġ ta’ Man City għal tmien punti

L-attakkant żgħażugħ Mason Greenwood skorja darbtejn fir-rebħa ta’ Manchester United fuq Burnley (3-1) u bir-Red Devils, issa, inaqqsu d-distakk mal-leaders, Manchester City għal tmien punti. Dan wara li ż-żewġ rivali ta’ Manchester lagħbu 32 logħba kull wieħed u jonqoshom biss sitt logħbiet għal tmiem il-kampjonat. Man Utd kienu ilhom żmien ma jieħdu punti massimi ma’ Burnley f’Old Trafford iżda s-sekwenza bdiet tinbidel kmieni fit-tieni taqsima meta GREENWOOD (48) sab ix-xibka ta’ Peacock-Farrell b’daqqa ta’ ras stupenda.

Madankollu, il-vantaġġ ta’ United dam biss żewġ minuti meta James TARKOWSKI għamilhom 1-1 mill-qrib minkejja li ssikkat min Harry Maguire. Minn dak il-ħin, United żiedu fl-attakki u Peacock-Farrell kellu jsalva b’saqajh id-daqqa ta’ ras insidjuża ta’ Bruno Fernandes. Il-Clarets ukoll kienu perikolużi kulmeta pruvaw japprofittaw mill-ispazju li ħallew il-midfielders ta’ United iżda huma sofrew it-tieni gowl sitt minuti mit-tmiem meta Greenwood venven xutt mix-xellug – bil-ballun jispiċċa ġewwa fuq id-devjazzjoni ta’ Jack Cork. Il-gowl neħħa kull ħjiel ta’ reżistenza min-naħa ta’ Burnley, b’United jagħmluhom tlieta b’tap-in ta’ Edinson CAVANI fuq kontra-attakk veloċi mibdi minn Paul Pogba.

Gowl fis-97 minuta skurjat minn Eddie NKETIAH salva punt għal Arsenal waqt li provda doċċa kiesħa għal Fulham li kienu qed jittamaw f’rebħa minn dan il-konfront fl-Emirates Stadium. Id-dro, 1-1, ma jservix daqstant lill-Cottagers li jinsabu fi ġlieda ddisprata biex isalvaw posthom fil-Premier League u meta huma, issa, ilhom mingħajr rebħa ma’ Arsenal għal 29 logħba. L-ewwel gowl f’dan il-konfront wasal minn penalty li kkonvertih Josh MAJA (57) wara fawl fil-kaxxa ta’ Gabriel fuq Lemina – bid-deċiżjoni, tkun konvalidata wara konsultazzjoni mal-VAR.

Dan kien l-uniku tentattiv ta’ Fulham fuq il-lasta ta’ Arsenal tul id-disgħin minuta u l-Gunners kellhom ħafna aktar ċansijiet – b’Ceballos u Martinelli ikollhom ‘gowls’ imħassrin u b’Nicolas Pepe u Saka ukoll imorru viċin id-dro qabel l-intervent ta’ Nketiah, sekondi qabel it-tmiem. Kien dak il-ħin li d-difiża ta’ Fulham ċediet għall-pressjoni, bl-attakkant Ingliż jixħet ġewwa mill-viċin wara li l-gowlkiper Areola kien salva parzjalment it-tentattiv ta’ Ceballos.

Il-Ġimgħa: Everton v Tottenham 2-2 Ilbieraħ : Newcastle v West Ham 3-2, Wolves v Sheff Utd 1-0 Illum: Arsenal v Fulham 1-1, Man Utd v Burnley 3-1
Għada: Leeds v Liverpool 9.00pm