Internazzjonali

Renju Unit-Repubblika Ċeka: Suspettati dwar qtil, sabutaġġ u attentati oħra

Żewġ irġiel Russi suspettati dwar attentat famuż ta’ ivvelenar (fl-2018) fir-Renju Unit issa qed ikunu marbuta mal-isplużjoni ta’ snin ilu f’depot tal-armi fir-Repubblika Ċeka. Dan fost sinjali ta’ konnessjoni bejn l-isplużjoni tal-2014 u l-GRU – li hi taqsima tas-servizzi sigrieti militari tar-Russja.

L-aġenziji tas-servizzi sigrieti fl-Ewropa jemmnu li Taqsima 29155 tal-GRU hi involuta f’sabutaġġ, assassinar u strateġiji biex itellfu l-istabbilità tal-pajjiżi. Intant, qed jingħad li ż-żewġ irġiel huma Ruslan Tabarov, ċittadin tat-Taġikistan u Nicolaj Popa, residenti fil-Moldova. Ir-ritratti fuq il-passaporti tagħhom kienu suġġetti għal scanning u nstab li kienu ‘simili’ għal taż-żewġ irġiel akkużati bl-attentat (bil-velenu) fuq il-ħajja tal-eks uffiċjal tal-GRU, Sergei Skripal, li kien seħħ ftit snin ilu fil-belt ta’ Salisbury.

Mifhum li Tabarov u Popa kienu vjaġġaw lejn ir-Renju Unit f’Marzu tal-2018 u fejn kienu użaw l-ismijiet ‘Ruslan Boshirov’ u ‘Alexander Petrov’. Fiż-żmien damu f’Salisbury huma nqabdu fuq il-filmati tas-CCTV, bil-pulizija Metropolitana tidentifika lill-irġiel bħala s-suspettati li ċappsu nerve agent tat-tip Novichok fuq il-pun tal-bieb tad-dar ta’ Skripal.

L-eks uffiċjal tal-GRU u bintu, wara, kienu nstabu mitlufin minn sensihom f’park ta’ Salisbury, iżda huma rkupraw mill-attentat, ġimgħat wara. Madankollu, mara bl-isem ta’ Dawn Sturgess, ftit wara, mietet mill-effetti tan-Novichok li kien qed jinżamm fi flixkun tal-fwieħa li kien spiċċa mormi.

Tabarov u Popa – it-tnejn uffiċjali tal-GRU – kienu dehru fuq it-televiżjoni tar-Russja biex jiċħdu l-involviment fil-każ ta’ Salisbury iżda f’Ottubru tal-2014 huma marru fir-Repubblika Ċeka fejn sabu akkommodazzjoni f’Ostrava – viċin ħafna tad-depot tal-munizzjon. L-isplużjoni seħħet tlett ijiem biss wara l-wasla tagħhom, b’ Tabarov u Popa ( li kienu qed jużaw ismijiet differenti) jitilqu fl-istess jum lejn l-Awstrija minfejn imbagħad qabdu titjira lejn ir-Russja.

Filwaqt li l-Gvern tar-Russja qed jiċħad kategorikament għal dawn l-allegazzjonijiet, ir-Repubblika Ċeka, issa, keċċiet 18-il diplomat Russu li huma suspettati bħala aġenti sigrieti. It-tkeċċija hi wkoll ritaljazzjoni għall-isplużjoni li ħalliet tnejn mejtin – bil-Prim Ministru Ċek, Andrej Babis, jgħid li pajjiżu hu fid-dmir li jirreaġġixxi għall-informazzjoni li qed torbot l-attakk mal-GRU.

Il-pajjiż se jinforma lin-NATO u lill-Unjoni Ewropea dwar is-suspetti tiegħu, bil-każ se jkun diskuss għada f’laqgħa għall-Ministri Ewropej għall-Affarijiet Barranin. L-investigazzjoni oriġinali kienet iddeterminat li l-isplużjoni seħħet minn ‘kawżi aċċidentali’ – iżda l-awtoritajiet Ċeki komplew xorta  bl-istħarriġ u bis-swaba kollha, issa, qed jippuntaw lejn ‘Moska u t-taqsima tal-GRU’.