Lokali Qorti

Tliet rġiel akkużati bi ‘frodi romantika’ għad-dannu ta’ mara

Żewġ Niġerjani u Indjan tressqu l-Qorti akkużati bi frodi romantika u ħasil ta’ flus wara li qarrqu b’mara Maltija b’relazzjoni virtwali li ilha sejra mill-2019.

In-Niġerjani ta’ 38 u 29 sena u l-Indjan li għandu 23 sena kienu arrestati wara li mara Maltija kienet għamlet rapport li spiċċat vittma ta’ din il-frodi li suppost kellha tkun relazzjoni virtwali. Wieħed mill-imputati diġa’ jinsab il-ħabs fuq każ ieħor ta’ frodi romantika fuq mara oħra li allegatament, flimkien ma’ oħrajn, ħadilha qrib it-€58,000.

Il-vittma f’dan il-każ allegatament tilfet mat-$12,800 fi tranżazzjonijiet favur l-imputati.

Huma wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom. Id-difiża talbet il-ħelsien għall-arrest bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u fadal numru ta’ persuni li jridu jixhdu, inkluż il-vittma.

Dan minbarra li l-investigazzjonijiet qed iwasslu biex jinkixfu iktar reati ta’ din ix-xorta.

Il-Maġistrat Nadine Lia ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat ukoll l-iffriżar tal-assi tal-imputati. 

L-Ispettur Sarah Zerafa mexxiet il-Prosekuzzjoni