Futbol Sport

AĠĠORNATA: Il-European Super League – proposta li qajmet kontroversja fost dawk involuti

Tard il-Ħadd filgħaxija tħabbar li se jkun qed jitwaqqaf il-European Super League. Arsenal, Man Utd, Liverpool, Chelsea, Man City u Tottenham kif ukoll Inter, Milan, Juventus, Real Madrid, Atletico Madrid u Barcelona laħqu ftehim biex waqqfu s-Super League, kompetizzjoni li se tibda tintlagħab f’nofs il-ġimgħa u li huma se jkunu l-fundaturi ta’ dan il-kampjonat.

B’reazzjoni għal dan, il-UEFA ħabbret li se tkun qed tieħu azzjonijiet drastiċi fejn flimkien mal-assoċjazzjonijiet rispettivi se jkunu qed jagħmlu dak kollu li hu possibli biex iwaqqfu dan il-kampjonat milli jseħħ. Il-FIFA kif ukoll il-UEFA qalu li l-klabbs kollha li se jieħdu sehem fil-European Super League mhux se jitħallew jikkompetu f’kompetizzjonijiet Ewropej kif ukoll se jitwaqqfu milli jieħdu sehem fil-kampjonati domestiċi, bil-players tal-klabbs rispettivi mhux se jitħallew jikkompetu fuq livell internazzjonali. Il-UEFA sejjħet lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-logħba tal-futbol sabiex joħorġu kontra dan il-proġett.

Huwa mifhum ukoll li l-UEFA tista tissosspend b’mod immedjat lit-timijiet li qablu li jieħdu sehem f’dan il-kampjonat mill-kompetizzjonijiet tagħha u li l-UEFA se tkun qed tiftaħ proċeduri legali fil-konfront tal-klabbs li laħqu ftehim dwar is-Super League.

Rapporti internazzjonali, indikaw ukoll li l-kompetizzjonijiet Ewropej, il-UEFA Champions League u l-UEFA Europa League għalissa huma sospiżi hekk kif mistennija jkomplu jiżvolġu d-diskussjonijiet b’rabta ma din il-porposta.

Intant il-UEFA rringrazzjat ukoll lil dawk il-klabbs li rrifjutaw li jieħdu sehem f’dan il-kampjonat, fejn jidher li minkejja li kienu avviċinati, il-klabbs ta’ Bayern Munich. Borussia Dortmund u PSG, kollha rrifjutaw li jieħdu sehem.

Jidher ukoll li l-European Super League qed ikun iffinanzjat mill-bank Amerikan J.P. Morgan fejn qiegħed iwiegħed aktar minn ħames biljun dollaru sabiex jgħin fit-twaqqif ta’dan il-kampjonat

Matul il-jum tat-Tnejn, il-Kumitat Eżekuttiv tal-UEFA ħa vot favur il-proposta ta’ 36 tim fil-UEFA Champions League tal-2024, bil-President ta’ PSG Nassser El Khelaifi jivvota favur il-proposta wkoll. Waqt li l-istess laqgħa jidher ukoll li kienet diskussa l-proposta tal-European Super League u t-triq il-quddiem dwar dan.

Fi stqarrija ffrimata mit-tnax -il klabb qalet li din il-kompetizzjoni se tibda malli jkun hemm ftehim bejn il-partijiet kollha u li fl-ewwel staġun mistennija jidħlu tliet timijiet oħra. Il-fundaturi ta’ din il-kompetizzjoni qalu li fiż-żmien li ġej se jkunu qed iżommu diskussjonijiet mal-UEFA u l-FIFA rispettivament sabiex flimkien ikunu jistgħu jilħqu ftehim għal-ġid ta’ din il-komopetizzjoni.

“L-għan ewlieni ta’ dan il-kampjonat se jkun li l-player b’mod regolari jilgħabu f’kompetizzjoni ta’ livell għoli u bl-ebda mod din il-kompetizzjoni ma hija se tieħu post il-kampjonati rispettivi li jintlagħbu fi tmiem il-ġimgħa,” żiedet tgħid l-istqarrija.

Kif se jkun il-format ta’ din il-kompetizzjoni?

Il-European Super League se jkun iffurmat minn 20 tim fejn minbarra l-15-il tim li huma l-fundaturi ta’ din il-kompetizzjoni, ħames timijiet oħra se jkunu qed jikkwalifikaw f’dan il-kampjonat abbażi ta’ kif ikunu marru fl-istaġun ta’ qabel.

Il-partiti kollha se jintlagħbu f’nofs il-ġimgħa u t-timijiet involuti se jibqgħu jikkompetu fil-kampjonati nazzjonali rispettivi. Din il-kompetizzjoni se tkun qed tibda minn Awwissu u l-klabbs li se jipparteċipaw se jkunu qed jinqasmu f’żewġ gruppi ta’ għaxar timijiet fejn jilgħabu partita ‘home’ u partita ‘away’, bl-ewwel tliet timijietf’kull grupp jikkwalifikaw għall-kwartifinali filwaqt li t-timijiet li jtemmu fir-raba’ u l-ħames post, jilgħabu play-off bir-rebbieħa jingħaqdu mat-timijiet l-oħra fil-kwartifinali.

Il-President ta’ Real Madrid Florentino Perez se jkun ic-Chairman tas-Super League filwaqt li Andrea Agnelli ta’ Juventus u Joel Glazer ta’ Manchester United se jkunu l-Viċi Chairman rispettivi. It-timijiet li se jikkompetu f’dan il-kampjonat se jkunu qed jieħdu €3.5 biljuni sabiex jirranġaw l-infrastruttura tagħhom u bħala għajnuna għall-impatt finanzjarju tal-pandemija tal-COVID-19.

Bosta reazzjonijiet negattivi għall-proposta tal-European Super League

Malli tħabbret l-aħbar li se jkun qed jitwaqqaf il-European Super League, kienu bosta mid-dinja tal-futbol li ħarġu bl-aktar mod aħrax jikkundannaw u jopponu dan il-kampjonat.

Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson permezz ta’ tweet qal li l-European Super League ser ikun ta’ ħsara kbira għal futbol madwar l-Ewropa.

Il-European Parliament Sport Group li jirrapreżenta 125 MEP ukoll kritika b’mod qawwi dan il-kampjonat fejn qal li l-intenzjoni tal-klabbs involuti hija li huma jagħmlu profitt finanzjarju.

L-eks player ta’ Manchester United Gary Neville, wieħed mit-timijiet li laħaq ftehim sabiex jikkompeti fis-Super League, sejjaħ biex il-klabbs li se jieħdu sehem jitnaqqsulhom il-punti b’mod immedjat kif ukoll jeħlu multi kbar u jittieħdulhom it-titli kollha hekk kif din il-proposta jekk se sseħħ se tkun qed teqred lill-klabbs kollha li m’humiex involuti.

Jamie Carragher, eks player ta’ Liverpool ukoll ħareġ kontra dan il-kampjonat u sejjaħ li hija tal-mistħija li klabb bħal Liverpool issieħeb mal-fundaturi tas-Super League.

Erbgħa klabbs involuti jirriżenjaw mill-European Clubs Association

Manchester United, Inter, Juventus u Milan ħabbru li b’mod immedjat qed jirriżenjaw mill-European Clubs Association, l-assoċjazzjoni li tirrapreżenta lill-klabbs fil-UEFA wara li ħarġet topponi l-proposta tal-European Super League.

Jidher ukoll li Andrea Agnelli ta’ Juventus u Ed Woodward ta’ Manchester United irriżenjaw rispettivament mill-pożizzjonijiet tagħhom fil-UEFA. Ma’ dawn mistennija jinaqgħdu wkoll Chelsea, Arsenal u Liverpool.