Lokali Qorti

Allegat frodi romantiku ieħor ta’ mara anzjana oħra

Wara li seba’ persuni diġa kienu tressqu fuq każ ta’ frodi romantiku fuq mara anzjana fl-ammont ta’ €58,000, tliet persuni oħra tressqu b’reati simili fuq mara oħra anzjana fejn qed jiġi allegat li dawn ħadulha s-somma ta’ $12,800 fi tranżazzjonijiet virtwali. Il-Prosekuzzjoni qed tgħid li l-każijiet huma simili ħafna.

Wieħed minn dawn it-tlieta qed jiġi mixli biż-żewġ każijiet u għalhekk se jkollu jiffaċċa t-tieni kumpilazzjoni fuq frodi fil-konfront ta’ żewġ nisa. It-tliet akkużati qegħdin jiċħdu l-akkużi miġjubin kontriha u qed jgħidu li lanqas biss jafu lill-allegata vittma. Il-Qorti sadanittant qed tgħid li se tikkunsidra biss it-talba għal libertà proviżorja meta tixhed il-vittma.

Collins Eguavoen, Niġerjan ta’ 37 sena, residenti s-Swieqi li qed jiġi mixli li ffroda liż-żewġ nisa, filwaqt li Oliver Chibuike ta’ 38 sena, wkoll Niġerjan li joqgħod San Pawl il-Baħar u l-Indjan Ayub Ali Khan Mohammad ta’ 22 sena residenti s-Swieqi qegħdin jiġu mixlija b’ħasil ta’ flus minn attività kriminali u li laqgħu għandhom jew xtraw ħwejjeġ misruqa. Eguavoen qed jiġi mixli wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-Qorti.

Il-Qorti laqgħet it-talba li jiġu ffriżati l-assi kollha tal-akkużati. L-aħħar li tressaq fuq il-każ tal-ewwel anzjana allegatament iffrodata kien Youssouf Madou Soumaoro Ben, ċittadin Ivorjan ta’ 35 sena, li jaħdem bħala dishwasher, li l-kont bankarju tieġu allegatament kiber permezz ta’ depożitu ta’ €8,000 miksub permezz ta’ involviment fi frodi ta’ storja romantika fittizja.

Jidher li l-Pulizija waslet għat-tieni każ wara li l-investigaturi kienu qed jaħdmu fuq l-ewwel każ ta’ frodi romantiku fejn mara anzjana kienet allegatament iffrodata madwar €58,000. Dan wara li ġiet imħajra f’relazzjoni virtwali ma’ persuna, li kien qed jippoża bħala suldat Amerikan stazzjonat fl-Afganistan.

F’dan il-każ il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Abigail Caruana Vella, Sean Xerri de Caro u Karl  Muscat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispetturi Sarah Zerafa u Claire Borg.

Is-seba’ ħames persuni li tressqu dwarl-ewwel każ huma Niġerjani fosthom l-eks plejer tal-futbol Sunday Eboh u mara Maltija hija Alexandra Pace. Għall-aħħar tliet akkużati li tressqu l-bieraħ qegħdin jidhru l-Avukati Roberto Montalto, Frank Cassar u Arthur Azzopardi.