Lokali

“Ara biss tmissu s-settur volontarju” – Profs Andrew Azzopardi

Fi stqarrija maħruġa mid-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, il-Professur Andrew Azzopardi qal li l-kollaborazzjoni mas-settur volontarju hija parti essenzjali mill-ħidma tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Socjetà.  Dan jintwera kemm bid-diversi inizjattivi li l-Fakultà innifisha tieħu ma’ numru ta’ għaqdiet u organizazzjonijiet f’dan il-qasam, kif ukoll permezz tal-involviment ta’ ħafna akademiċi, studenti u ħaddiema oħra tal-Fakultà ma’ għaqdiet non-governattivi.

Dan ifisser li l-Fakultà għandha subgħajha fuq il-polz ta’ dan il-qasam u kien dan li xpruna l-organizazzjoni ta’ djalogu miftuħ fuq dan is-suġġett.  Għal dan id-djalogu attendew madwar 70 persuna, ħafna minnhom rappreżentanti tal-għaqdiet tagħhom li jaħdmu f’diversi oqsma bħall-attiviżmu, servizzi soċjali, sport, politika u ambjent. 

Minn dan id-djalogu ħareġ ċar li:

  • Is-settur non-governattiv qed jesperjenza l-avviżi legali li ħarġu reċentament bħala restrittivi, burokratiċi żżejjed, u mhux riflessi ta’ dak li qed jiġri fil-qasam;
  • Il-proċeduri li qed jimponu dawn l-avviżi legali ser jillimitaw serjament il-ħidma ta’ għaqdiet non-governattivi, b’tali mod li l-għaqdiet iż-żgħar mhux ser ikunu jistgħu jkomplu joperaw;
  • Dan is-settur mhux qed jingħata l-apprezzament li jistħoqlu u l-fatt li, f’diversi oqsma, qed jagħti valur miżjud għall-investiment li jsir, kemm mill-Gvern kif ukoll mill-benefatturi, mhux qed jiġi rikonoxxut;
  • Is-settur huwa favur it-trasparenza u l-kontabbilità imma l-iskrutinju żejjed jindika nuqqas ta’ fiduċja u jista’ jagħti lok għal aktar abbuż;
  • In-nuqqas ta’ kollaborazzjoni u fiduċja bejn il-Gvern u s-settur inħasset ħafna għal fatt li ma kienx hemm konsultazzjoni dwar dawn l-avviżi legali.

 Dan id-djalogu enfasizza l-fatt li, jekk il-qasam non-governattiv jidgħajjef, ikun ifisser telf ta’ dan:

  • Il-fjamma ta’ enerġija li jġib miegħu l-involviment f’għaqdiet non-governattivi;
  • L-opportunità li numru ta’ nies, fosthom ħafna żgħażagħ, jagħtu sehemhom mingħajr ma jistennew xi ħaġa lura;
  • Iċ-ċans li persuni jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom u ta’ nies vulnerabbli f’diversi oqsma, bħall-ambjent, il-governanza, l-immigrazzjoni u ħafna oħrajn;
  • Is-servizzi li jingħataw minn dawn l-organizazzjonijiet li jikkumplimentaw il-ħidma tal-Gvern.

Il-Fakultà, wara dan id-djalogu li kien ta’ ispirazzjoni, tixtieq ittenni li:

  • Dawn l-avviżi legali għandhom jitneħħew b’mod immedjat u npoggu madwar mejda biex insibu soluzzjonijiet adegwati;
  • Is-settur ikun involut f’konsultazzjonijiet wiesa biex jitħejjew proċeduri li jiżguraw governanza imma ma joħonqux l-għaqdiet;
  • Il-governanza f’dan is-settur trid titwettaq permezz ta’ żieda fir-riżorsi tal-Kummisjonat tal-Volontarjat li jieħu f’idejh il-burokrazija meħtieġa;
  • L-ghoti tal-flus mill-iStat ghandhom ikunu mod wiehed minn hafna ta’ kollaborazzjoni;
  • L-MCVS trid tkompli anzi zzid l-hidma taghha biex tkun spazju ta’ djalogu bejn l-ghaqdiet;
  • Dan is-settur irid jiġi mħares bħala vuċi importanti tas-soċjetà Maltija li mingħajrha din l-istess soċjetà tkun waħda ħafna aktar fqira u passiva.