Internazzjonali

Avveniment uniku fl-esplorazzjoni spazjali: Tirnexxi titjira bi prova ta’ ħelikopter tan-NASA fuq il-Pjaneta Mars

L-aġenzija tal-ispazju NASA tal-Istati Uniti rnexxiet fl-impenn biex ittajjar ħelikopter żgħir fuq il-Pjaneta Mars. L-Ingenuity Mars Helicopter, li jinkorpora l-karatteristiċi ta’ drone, kien fl-ajru għal anqas minn minuta, iżda l-inġiniera tan-NASA bir-raġun qegħdin jiċċelebraw l-avveniment wara l-ewwel titjira kontrollata ta’ inġenju li jtir ‘f’dinja oħra’.

Il-konferma tas-suċċess waslet permezz ta’ satellita fuq Mars li wasslet id-data tat-titjira lura lill-kontrolluri tal-missjoni filJet Propulsion Laboratory tal-Aġenzija Spazjali Amerikana f’Pasadena, fl-Istat ta’ Kalifornja.

Sadanittant, in-NASA qed twiegħed li għandhom isiru ‘aktar titjiriet avventurużi ta’ dan it-tip’ fil-ġranet li ġejjin.

L-Ingenuity Mars Helicopter twassal fuq Mars permezz tal-inġenju ‘Perseverance Rover’ li fi Frar kien niżel fil-Jezero Crater tal-Pjaneta l-Ħamra.

Intant, il-ħelikopter – jew rotorcraft – mistenni li, ‘il quddiem, itir f’altitudni ogħla waqt li l-inġiniera tan-NASA jkomplu janalizzaw ‘sa fejn kapaċi tasal’ it-teknoloġija li kapaċi tiftaħ il-fruntieri ġodda fl-ispazju.

Mimi Aung, il-project manager għall-Ingenuity f’Pasadena, qalet li ‘il-bniedem, issa, jista’ jgħid li rnexxielu jtajjar rotorcraft fuq pjaneta oħra.’ Hi sostniet li l-kollegi tagħha man-NASA kienu ilhom jitkellmu dwar ‘episodju ġdid u importanti daqs it-titjira tal-Aħwa Wright’ li kien seħħ aktar minn 100 sena ilu, u meta issa t-tragward ġie realizzat.

Il-‘mument ekwivalenti għas-suċċess tal-Aħwa Wright’ hu referenza għal meta l-aħwa, Wilbur u Orville Wright, fl-1903, kienu konkludew l-ewwel titjira kontrollata ta’ ajruplan li qatt saret fid-dinja.