Lokali Parlament

Brian Tonna se jkollu jwieġeb fil-PAC dwar il-power station tal-Electrogas; ħlief għall-mistoqsijiet li jinkriminawh

L-awditur u partner ewlieni ta’ Nexia BT Brian Tonna se jkollu jwieġeb il-mistoqsijiet magħmula lilu fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi dwar il-power station tal-Electrogas; ħlief għall-mistoqsijiet li jinkriminawh.

Din id-deċiżjoni ttieħdet mill-Ispeaker tal-parlament Anġlu Frrugiua f’ruling li ntalab mid-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami wara li l-awditur u partner ewlieni ta’ Nexia BT Brian Tonna irrifjuta li jwieġeb mistoqsijiet dwar il-korruzzjoni fil-kuntratt tal-power station tal-Electrogas quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC). Fl-aħħar laqgħa tal-PAC, Brian Tonna ma wieġeb l-ebda mistoqsija magħmula mid-deputati Nazzjonalisti Karol Aquilina u Ryan Callus.

Id-deputati Nazzjonalisti qed isostnu li Brian Tonna għandu jwieġeb għax mhux akkużat dwar il-power station tal-Electrogas iżda dwar każi oħra.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li l-PAC għandu jimxi mal-linji gwida dwar ix-xhieda maqbula fl-2011 fejn għandha tingħata l-protezzjoni kollha legali lix-xhieda li jidhru quddiem il-PAC. L-ebda xhud m’għandu jiġi f’pożizzjoni li jinkrimina lilu nnifsu quddiem il-PAC. Dan ifisser li xhud li hu mistenni li jidher quddiem il-PAC ma jistax ikun imġiegħel wieġeb mistoqsijiet li jinkriminawh.

L-Ispeaker qal li l-PAC la hu tribunal u lanqas qorti iżda kumitat li jeżamina kontijiet li huma ppreżentati lill-parlament. Il-PAC mhux kumitat li jwassal biex jiżdiedu xi akkużi fil-konfront ta’ xhud u għalhekk dan mhux tribunal bħal kull struttura ġudizzjarja. Fir-ruling, l-Ispeaker qal li dwar din sitwazzjoni simili kien ingħata ruling fl-2013 u anki sentenzi tal-Qorti Ċivili sede Kostituzzjonali.

L-Isepaker qal li xhud għandu dritt għas-silenzju jekk ikun akkużat bl-istess akkużi li qed jiġu trattati mll-PAC. Xhud hu obbligat li jixhed iżda għandu dritt li ma jweġibx mistoqsija li tinkriminah. Is-Sedja qalet li diġà kienet tkellmet li ma jistax ikun li l-PAC ikun imxekkel minn proċeduri fil-qrati.

L-Ispeaker qal li fiċ-ċirkostanzi s-Sedja tara li l-protezzjoni ta’ xhud li jibqa’ sieket hi biss applikabbli meta xhud ikun akkużat b’reati kriminali konnessi mal-istess każ.

Għalhekk kull xhud li jissejjaħ quddiem il-PAC u li ma jkollu ebda akkuża b’konnessjoni mal-materja trattata quddiem l-istess kumitat għandu jwieġeb il-mistoqsijiet iżda ma jistax ikun kostrett iwieġeb mistoqsijiet li jistgħu jinkriminawh.