Internazzjonali

Covid-19: L-Iżvizzera tnaqqas il-kundizzjonijiet tal-lockdown minkejja ż-żieda fl-infezzjonijiet

L-awtoritajiet fl-Iżvizzera bdew inaqqsu r-restrizzjonijiet għas-soċjetà li huma relatati għall-Covid-19, avolja n-numri tal-infezzjonijiet fil-pajjiż komplew telgħin.

Fl-aħħar sigħat, il-bars u r-ristoranti kienu qed jiftħu t-terrazzini fuq barra waqt li qed jerġgħu jibdew il-lectures fl-universitajiiet tal-pajjiż. Fl-istess ħin, il-gymansiums u s-swali taċ-ċinema fl-Iżvizzera jistgħu jiftuħu mill-ġdid dment li jkunu osservati l-kriterji stretti tas-sigurtà u l-iġene.

Intant, l-Iżvizzera hi l-uniku pajjiż Ewropew li qed inaqqas ir-restrizzjonijiet fi żmien meta telgħin il-każi tal-Covid-19.

Il-Gvern Żvizzeru qal li dan il-pass hu ġustifikat għaliex iż-żieda fil-każi qed issir bil-mod ħafna – bil-programmi tat-tilqim kontra l-marda qegħdin jirrankaw fuq bażi nazzjonali. Dan waqt li l-isptarijiet qegħdin jaqdu ‘tajjeb’ il-ħteġiet tal-pazjenti morda bil-Covid-19 waqt li jidhru ‘il bogħod minn sitwazzjoni fejn ‘kapaċi jintilef il-kontroll’.

Madankollu ix-xjenzati li jservu bħala konsulenti tal-Gvern Żvizzeru qed iwissu li l-element tas-sogru, fiċ-ċirkustanzi, hu wieħed kunsiderevoli. Fl-istess ħin mhux l-Iżvizzeri kollha jaqblu li l-Gvern qed jieħu pass ‘għaqli’ b’li jirrilaxxa l-miżuri waqt li jippermetti l-ftuħ tal-istabbilimenti.

Sadanittant – jekk kemm il-darba tirnexxi din il-politika – l-Iżvizzera kapaċi toħroġ mill-pandemija ‘bl-inqas danni possibbli’, meta wieħed jagħmel paraguni mal-Istati ġirien. Iżda jekk l-affarijiet ma jirnexxux u l-Iżvizzera tispiċċa maħkuma minn tielet mewġa tal-virus, mhemmx dubju li l-poplu Żvizzeru jkollu jgħaddi minn sajf mill-aktar diffiċli.