Internazzjonali

Ġermanja: Annalena Baerbock tal-Partit tal-Ħodor se tikkuntesta għall-kariga ta’ Angela Merkel

Il-Partit tal-Ħodor fil-Ġermanja, għall-ewwel darba fl-40 sena li ilu jeżisti, ħabbar li qed iressaq mara bħala kandidat biex tikkuntesta għall-kariga ta’ Kanċillier. Daqstant ieħor storiku hu r-rwol ċentrali tal-Ħodor fl-elezzjoni ġenerali tal-Ġermanja li għandha ssir f’Settembru – b’dan il-partit, issa, iħabbar li Annalena Baerbock (li għandha 40 sena) hi l-għażla tiegħu biex tieħu r-riedni tal-pajjiż minflok il-Kanċillier attwali, Angela Merkel,

Mistenni wkoll, intant, li Baerbock tkun l-unika mara li tikkuntesta t-tellieqa ta’ Settembru għall-Kanċillier ġdid tal-Ġermanja.

Filwaqt li l-Ħodor tal-Ġermanja kienu ilhom is-snin meqjusa bħala minoranza bi ftit jew wisq influwenza, kibret sew il-probabbiltà li dan il-partit ikun qed jifforma parti mill-Gvern li jmiss f’Berlin.

U peress lil-konservattivi Ġermaniżi, bħalissa, għaddejjin minn żmien kaotiku, mhux eskluż li l-Partit tal-Ħodor isir anki l-akbar partit ‘uniku’ fil-koalizzjoni ġdida — bir-riżultat ‘awtomatiku’ li Baerbock taċċerta mir-rwol ġdid bħala Kanċillier.

Annalena Baerbock, fil-fatt, hi fost l-aktar ismijiet promettenti tal-ġenerazzjoni ġdida ta’ politiċi fl-Ewropa u meta l-osservaturi diġà qegħdin iqabbluha ma’ nisa oħra – relattivament żgħar fl-età – li qed imexxu pajjiżhom. U minkejja li Baerbock tista’ anki tkun ‘isem ġdid’ għal ħafna, hi diġà qed tissemma ‘fl-istess nifs’ bħall-Prim Ministru tal-Finlandja, Sanna Marin, u l-Prim Ministru ta’ New Zealand, Jacinda Ardern.

Baerbock twieldet fl-1980 – l-istess sena meta twaqqaf il-Partit tal-Ħodor fil-Ġermanja – u, bħala tifla, kienet takkumpanja lill-ġenituri tagħha għad-dimostrazzjonijiet kontra l-attivitajiet nukleari fil-pajjiż, Hi tfisser tfulitha bħala taħlita ta’ ‘radikaliżmu u l-ħajja ta’ familja mill-klassi tan-nofs’ – b’din it-tifsira tapplika wkoll għal kif il-Partit tal-Ħodor irriforma ruħu mingħajr ma jiċħad għall-ideali tradizzjonali tiegħu.

Hu minnu wkoll li l-Ħodor qegħdin iżidu l-appell fost is-segmenti tal-elettorat Ġermaniż – bl-aħħar stħarriġ jagħtihom madwar 22 fil-mija tal-vot popolari. L-unika entità li marret aħjar mill-Ħodor fl-istħarriġ hi l-blokk konservattiv tas-SCU/CSU immexxi minn Angela Merkel.