Ambjent Lokali

Il-PN jippreżenta għadd ta’ proposti għal aktar trasparenza fl-ERA

Dawn il-proposti għandhom jitressqu fil-Parlament f’qafas legali permezz ta’ Private Member Bill

L-importanza tat-trasperenza biex inħarsu l-ambjent ta’ Malta u Għawdex. Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Partit Nazzjonalista f’konferenza tal-aħbarjiet fejn matulha preżenta erba’ proposti b’viżjoni biex ikun hemm aktar trasparenza fil-ħidma tal-ERA bl-involviment anki tal-għaqdiet volontarji.

Il-proposti huma:

  1. L-aġenda tal-Bord tal-ERA tkun komunikata qabel lill-pubbliku, inkluż lill-NGOs biex ikun hemm għarfien ta’ dak li se jkun diskuss
  2. Il-laqgħat tal-Bord tal-ERA jkunu miftuħin għall-pubbliku
  3. Il-pubbliku u l-NGOs jkunu jistgħu jagħmlu r-rapprezentazzjonijiet tagħhom tul il-laqgħat
  4. Il-vot u d-deċizzjonijiet tal-Bord tal-ERA jkunu pubbliċi

Dawn il-proposti għandhom jitressqu fil-Parlament f’qafas legali permezz ta’ Private Member Bill.

Il-konferenza tal-aħbarjiet kienet indirizzata mill-Whip tal-Oppożizzjoni u Kelliem għall-Ambjent u tibdil fil-Klima Robert Cutajar u mid-Deputat Whip u Kelliem għall-Fondi Ewropej u l-Għaqdiet Volontarji Kevin Cutajar.

Aktar involviment tal-NGO’s f’kuntest ambjentali

Robert Cutajar qal li dawn il-proposti tressqu wara li saret konsultazzjoni mal-għaqdiet ambjentali. Huwa qal li dak li hemm illum mhux jiffonzjona, dak li hemm illum li qed iħalli dubji, jinbidel.

“Għaliex għall-PN, anki fl-ambjent jemmen li jixraqlu l-aqwa u l-aħjar. Irridu nħarsu wkoll l-ambjent li se nħallu lil dawk ta’ warajna lil uliedna. Pajjiżna huwa għal qalbna, u għalhekk il-PN irid Paġna Ġdid, anki fil-qasam ambjentali”

Inħarsu l-għaqdiet Maltin u Għawdxin

Min-naħa tiegħu Kevin Cutajar tkellem dwar l-importanza lill-għaqdiet volontarji li qed jagħtu ħafna lis-soċjetà Maltija. Intant huwa tenna li l-Gvern qed jitfa’ dell ikrah fuq l-għaqdiet u elenka li jekk jieqfu l-għaqdiet, is-soċjetà Maltija kollha se tkun qed tbati.

“Aħna ser inkunu qegħdin inservu bħala vuċi għall-għaqdiet, spalla ma’ spalla magħhom, u l-PN se jersaq lejn l-għaqdiet u nappella lill-għaqdiet biex jersqu qrib il-PN, għax għall-kuntrarju tal-Gvern, il-PN se jkun vuċi għalihom u t-tarka ta’ kull għaqda f’Malta u f’Għawdex”