Lokali Sport

Il-pressjoni mill-Oppożizzjoni twassal biex jitranġaw il-ħofor fit-toroq li jwasslu għall-korsa tal-Marsa

(Ritratt: Joseph Galea)

Wara ġimgħat ta’ pressjoni mill-Oppożizzjoni u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Clyde Puli dwar il-problemi li qed jaffaċjaw id-dilettanti taż-żwiemel fil-korsa tal-Marsa, jidher li fl-aħħar jiem sar xi xogħol ta’ ‘patching’ fit-toroq tal-madwar sabiex jitranġaw il-ħofor fit-toroq li jwasslu għall-korsa tal-Marsa.

Fl-aħħar ġimgħat bosta dilettanti taż-żwiemel fil-Marsa għamlu kuntatt dirett mal-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Isport dwar il-problemti li qed jaffaċjaw, fejn minbarra l-problema tal-ħofor fit-toroq tal-madwar, id-dilettanti tkellmu wkoll dwar il-problema tad-drenaġġ fl-istess żona u r-ramel li jintuża fil-korsa.

F’messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook, Clyde Puli filwaqt li rrikonoxxa u li l-ħofor ġew irranġati u li dan se jgħin lid-dilettanti taż-żwiemel, appella biex mill-aktar fis jiġu ndirizzati l-problemi tar-ramel fil-korsa tal-Marsa u l-problema tad-drenaġġ fl-inħawi.

Fil-jiem li għaddew il-Gvern jidher li sabiex ipatti għan-nuqqas ta’ konsultazzjoni mal-isportivi u l-assoċjazzjonijiet wara li l-isport f’pajjiżna baqa’ projbit, sema’ il-karba tad-dilettanti taż-żwiemel u bidel ir-ramel fil-korsa tal-Marsa. Jidher iżda li r-ramel li nġieb f’pajjiżna m’huwiex tajjeb u se jkun qed jerġa jinbidel fil-jiem li ġejjin.