Futbol Sport

Il-UEFA se tkun qed twaqqaf lill-players li jieħdu sehem fis-Super League milli jilgħabu għal pajjiżhom

(Ritratt: EPA)

Il-President tal-UEFA Aleksander Ceferin qal li l-players li se jilgħabu fil-European Super League se jkunu qed jirriskjaw li ma jitħallewx jilgħabu mat-timijiet nazzjonali ta’ pajjiżhom b’konsegwenza li ma jilgħabux fit-Tazza tad-Dinja u lanqas fil-Kampjonati Ewropej.

Ceferin qal dan b’reazzjon għad-deċiżjoni tat-tnax-il klabb mill-kampjonati madwar l-Ewropa li jiffrumaw bejniethom European Super League, bil-President tal-UEFA jiddeskrivi din id-deċiżjoni bħala waħda egoista ma’ dawk kollha li jħobbu l-logħba tal-futbol.

Partitarji u players jikkritikaw l-European Super League

Għadd ta’ partitarji, ġurnalisti u players ħarġu jikkritikaw l-European Super League b’bosta jsostnu li din se jkun il-qerda tal-futbol.

Il-partitarji ta’ Liverpool ħarġu strixxun quddiem il-ground fejn urew id-disapprovazzjoni tagħhom għal dan il-kampjonat.

Partitarju ta’ Tottenham għadda s-sentiment ta’ bosta partitarji tal-istess klabb fejn mar quddiem it-‘training grounds’ ta’ Tottenham fejn protesta għal dak li seħħ fl-aħħar ħinijiet.

Il-player ta’ PSG Ander Herrera kif ukoll Mesut Ozil, Yannick Bolasie, Dejan Lovren u Lukas Podolski ukoll ħarġu jikkritikaw dan il-kampjonat u qalu li s-Super League se jkun qed jeqred il-ħolma ta’ bosta partitarji.