Futbol Lokali Sport

Jinġabru €2,000 f’Replay, għall-flokk ta’ Haley Bugeja, f’għajnuna għal tfajjel bil-kanċer

Il-flokk iffirmat tal-plejer internazzjonali Malti, Haley Bugeja ta’ Sassuolo, u li kien irkantat waqt edizzjoni oħra ta’ Replay fuq Net Television, bl-għan li jinġabru flus meħtieġa għaċ-ċkejken Luca, iben il-plejer Braziljan tal-futbol li jilgħab f’Malta, Patrick Maia, ġabbar is-somma sabiħa ta’ €2,000. Ta bilħaqq din kienet aħbar sabiħa, u inizjattiva li kompliet turi biċ-ċar kemm l-isport f’pajjiżna, u mhux anqas il-futbol, għandu s-saħħa li jgħaqqad u f’mumenti importanti, saħansitra juri l-kobor tas-solidarjetá Maltija.

Greentube Malta bl-akbar offerta għall-flokk iffirmat ta’ Bugeja

Waqt il-programm tal-bieraħ filgħaxija, Replay dawk interessati setgħu jitfgħu l-offerta tagħhom għal dan il-flokk iffirmat ta’ Bugeja, bl-ammont tat-tluq kien ta’ €200. Kienu bosta dawk li ċemplu biex jagħmlu l-offerta finanzjarja tagħhom, iżda kien biss fl-aħħar nofs siegħa tal-programm, meta d-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija tal-gaming f’Malta, Greentube Malta, Dr Trevor De Giorgio intervjena f’xandira diretta biex għan-nom tal-istess kumpanija li hu jmexxi, wiegħed l-ammont ta’ €2,000. Din kienet l-għola offerta għall-flokk ta’ Bugeja ma’ Sassuolo, u li hu ffirmat mill-Maltija nnifisha, u għalhekk fi kliem il-producer eżekuttiv u presentatur ta’ Replay, Christian Micallef meta tħabbret din l-offerta fuq it-televiżijoni, “ilejla qed inkomplu nagħtu tama oħra lil Luca u l-familja tiegħu, f’dan il-mument diffiċli u fil-ġlieda ta’ dan iċ-ċkejken kontra l-marda tal-kanċer.”

Dr Trevor Degiorgio, Direttur Maniġerjali ta’ Greentube Malta

“Bħalissa wieħed mill-impjegati tagħna qed jgħix esperjenza simili, fejn qed jiġġieled kontra l-kanċer u aħna bħala kumpanija qed nagħmlu minn kollox biex ngħinuħ kontra din il-battalja. Għaldaqstant meta sirna nafu bl-inizjattiva ta’ Replay, grazzi ukoll għas-sehem ta’ Haley Bugeja, il-board ta’ Greentube tkellimna bejnitna, u llejla għandi pjaċir iħabbar li qed noffru €2,000 biex aħna ukoll, bħala kumpanija kummerċjali bbażata f’Malta, ngħinu lit-tfajjel Luca f’dan il-mument diffiċli,” qal l-avukat Degiorgio waqt Replay tal-bieraħ.

“Qatt ma kont nemmen li ta’ din l-etá kien se jkolli pjattaforma li ngħin lil ħadieħor hekk”

Haley Bugeja, f’intervent dirett waqt Replay fuq Net Television

Din l-aħbar saret fl-istess ħin li f’Replay kien għaddej kollegament awdjo-viżiv ma’ Bugeja minn Sassuolo. Fl-ewwel reazzjoni tagħha, Bugeja dehret sorpriża ħafna kif il-ġest sempliċi iżda sinifikanti tagħha, kien qed jgħin b’daqstant effettivitá u valur lil ħadieħor. “Ċertu affarijiet lanqas temminhom. Qatt ma kont nemmen li ta’ din l-etá kien se jkolli pjattaforma li ngħin lil ħadieħor hekk,” qalet Bugeja, f’Replay.

Haley Bugeja ma’ Sassuolo fis-Serie A fl-Italja

Inizjattiva li kellha l-bidu tagħha minn telespettatur ta’ Replay

Din l-inizjattiva kellha l-bidu tagħha minn wieħed mit-telespettaturi ta’ Replay, Adrian Tanti li ħareġ bl-idea hu u wara li tkellem ma’ Konrad Sultana, mistieden residenti tal-programm, f’temp qasir saret pubblika u suċċess billi nġabru €2,000 għal kawża ġusta u mix-xejn.

It-tfajjel Luca hu iben il-plejer ta’ Marsa, Patrick Maia li sfortunatament sar jaf li għandu neuroblastoma cancer, u t-tobba qalulu li għandu 50% ċans li jgħix. Maia spiċċa bla xogħol hekk kif il-kuntratt tiegħu ġie fi tmiemu meta ġie deċiż li l-istaġun tal-futbol f’Malta jieqaf ħesrem minħabba l-COVID-19. Minkejja dan, il-klabb xorta waħda qed jibqa’ jgħin lil plejer, kemm bil-wage suppliment tal-Gvern kif ukoll l-ispejjez tal-akkomodazzjoni tal-familja f’Malta fost l-oħrajn. Il-familja ta’ Luca għandha bżonn l-għajnuna biex iċ-ċkejken tagħhom ikun jista’ jagħmel l-interventi li għandu bżonn, bit-tama li jgħix.

It-tfajjel Luca flimkien mal-ġenituri tiegħu

Agfas hawn biex tara Replay tal-bieraħ il-Ħadd, fejn inġabru l-€2,000 għat-tifel ta’ Patrick Maia

F’kummenti li ta wara li sar magħruf li nġabru €2,000 grazzi għall-ġest ta’ Bugeja u l-pjattaforma tal-popolaritá tal-programm sportiv Replay fuq Net Television, Micallef esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan l-għan milħuq. Hu fisser kif Replay llu jixxandar għal 21 sena konsekuttivi, iżda hu daħal fit-tmexxija ta’ dan il-programm minn Ottubru tal-2006, u minn dak in-nhar ‘l hawn hu fehem l-importanza li l-popolaritá ta’ dan il-programm sportiv għandha kontribut x’tagħti f’diversi aspetti, inkluż li fil-mument opportun, inservu ta’ pjattaforma sabiex ngħinu lil min hu fil-bżonn permezz tal-futbol.

“Illejla rrnexxilna nnferħu u nagħtu tama ta’ għejxien lil xi ħadd fil-bżonn. ll-pjattaforma biex sar dan kollu kien Replay, iżda biex din l-idea kienet suċċess kien hemm nies oħra, fosthom Adrian Tanti, Konrad Sultant, Haley Bugeja u sintendi Trevor Degiorgio għan-nom ta’ Greentube Malta.”

Christian Micallef, producer eżekuttiv u presentatur tal-programmi Replay

“Ix-xogħol primarju tiegħi f’ħajti u ma’ kumpanija tar-relazzjonijiet pubbliċi, u ta’ kuljum ngħin kumpaniji kummerċjali biex japplikaw bl-aħjar mod posisbli, l-aqwa strateġija ta’ Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR). Għalkemm din taf tinstema’ kelma tqila għal xi uħud, fil-veritá din hi strateġija sempliċi u bżjonuża fis-soċjetá tagħna u li kulħadd fin-negozju jista’ jmexxi ‘il quddiem b’mod differenti. F’dawn l-aħħar 14-il sena, kemm ili fit-tmexxija ta’ Replay, rajt kif għamilt biex permezz tal-popolaritá tal-programm tagħna, nimplimentaw strateġija ta’ CSR li permezz tagħha ngħinu lil min hu fil-bżonn, direttament jew indirettament. Fil-passat għamilna bosta inizjattivi simili, fosthom meta konna aħna li bdejna norganizzaw il-famuża ‘Gowl għall-iStrina’, u li permezz tagħha ġbarna eluf ta’ flus li marru għall-iStrina. Din id-darba għamilna xi ħaġa simili, għalkemm fuq skala iżgħar; qbadna idea brillanti ta’ wieħed mit-telespettaturi tagħna, Adrian Tanti, ċioé dik li jkun irkantat flokk uffiċjali u ffirmat ta’ Haley Bugeja, u amalgamajna kollox mal-popolaritá u s-saħħa li jista’ jkollu Replay mal-udjenza tiegħu, sabiex niġbru flus bżjonjużi għat-tfajjel Luca. Nistqar magħkom li r-riżultat aħħari wara din l-idea, issupera dak li kont qed nistenna. Ġbarna €2,000 f’temp qasir u għamilna lil ħadieħor kuntent u f’mument tant diffiċli għal dan it-tfajjel u l-familja tiegħu. Għal dan kollu għandi biss kliem ta’ ringrazzjament u apprezzament lejn kull min ta kontribut,” qal jgħid Micallef, producer eżekuttiv u presentatur tal-programmi Replay.

Christian Micallef, producer eżekuttiv u presentatur tal-programmi Replay

Replay b’ħidma kontinwa sabiex jingħata servizz kif jixraq lill-udjenza tal-futbol f’Malta

Replay hu wieħed mill-aktar programmi televiżivi li llu jixxandar mhux biss fuq Net Television, iżda saħansitra fuq l-istazzjonijiet televiżivi kollha. F’21 sena, il-programm tal-Ħadd filgħaxija żviluppa tant li llum dan l-isem sar jagħti servizz ta’ aġenzija tal-aħbarijiet dwar il-futbol lokali permezz tal-paġna ta’ Facebook, kif ukoll jipproduċi xejn inqas minn tliet programmi televiżivi ta’ kull ġimgħa dwar il-futbol lokali u internazzjonali. Dawn huma Replay Preview tal-Ġimgħa filgħaxija u Replay Live Score u l-programm ta’ diskussjoni Replay tal-Ħadd filgħaxija.

Replay hu programm li mhux biss imexxi ‘l quddiem inizijattivi ta’ CSR u li permezz tagħhom jiġu mgħejjuna individwi fl-isport, partikolarment fil-futbol, li huma fil-bżonn, iżda jemmen fl-importanza li jipproduċi programmi informattivi u ta’ diskussjoni li jkunu ‘l bogħod mill-istil ta’ ġurnaliżmu spekulattiv jew mill-veritá tal-aħbar. Aktar minn hekk, bħala programm dwar il-futbol lokali, il-produzzjoni ta’ Replay temmen bis-sħiħ dwar l-importanza u d-dover, li f’dak li xxandar u fid-diskussjoni li twassal, ikun hemm enfasi u attenzjoni li jitwassal messaġġ edukattiv li permezz tiegħu, it-telespettaturi tal-programm ikunu qed isaħħu l-għarfien tagħhom fis-suġġett.