Korrispondenza li ntbagħtet it-Tnejn filgħodu tikkonferma illi ġew estiżi d-direttivi li l-UĦM tat lis-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali f’Malta u f’Għawdex – azzjonijiet li komplew jissaħħu.
Fost l-azzjonijiet li daħlu fis-seħħ hemm li s-Segretarji Eżekuttivi ma jattendux għal-laqgħat tal-Kunsill, u ma jħejju l-ebda materjal għal dawn il-laqgħat. Huma wkoll ingħataw id-direttiva li ma jattendux għal-laqgħat tal-Kumitati u Sotto-Kumitati tal-Kunsilli Lokali u għal-laqgħat pubbliċi mar-residenti, li ħafna minnhom huma mistennija li jsiru f’dan ix-xahar ta’ April.
Dawn id-direttivi daħlu fis-seħħ għax l-Awtoritajiet konċernati ma taw l-ebda widen għat-talbiet ġustifikati tas-Segretarji Eżekuttivi fejn qed ikun mitlub li s-Segretarji jieħdu dak li ħaqqhom. Huwa mifhum li ‘l fuq minn 80% tas-Segretarji Eżekuttivi qed isegwu dawn id-direttivi.
Il-UĦM fl-aħħar jiem permezz ta’ email kienet sostniet li m’huma jitolbu xejn aktar minn persuni li diġà għandhom karigi oħrajn u li jaħdmu mas-settur pubbliku bl-istess responsabbiltajiet. Huma qalu li dawn id-diskussjonijiet ilhom għaddejjin mill-2018 – sentejn qabel il-pandemija – u li din il-problema ilha ġejja għal numru ta’ snin, u mhux inqalgħet issa kaġun tal-Covid.
Fl-istess email il-UĦM kwotat il-proposta tal-Partit Laburista li kienet fil-programm elettorali, fejn din il-wegħda baqgħet ma twettqitx.
Il-UĦM kienu qalu li l-Assoċjazzjoni tal-Kunsill Lokali bagħtet messaġġ bil-WhatsApp lis-Sindki kollha biex jiġġustifika dak li ġie offrut lis-Segretarji Eżekuttivi, iżda dak li ġie offrut ma kienx dak mitlub, u lanqas dak li kien ġie mwiegħed mill-Partit Laburista.
Intant, din hija mewġa oħra ta’ azzjonijiet industrijali fil-konfront tal-Gvern ta’ Robert Abela hekk kif l-email ifakkar li l-Programm Elettorali jinkiteb biex jitwettaq u l-Prim Ministru Robert Abela dan għadu ma wettqux, anzi għadu m’għamel xejn biex isolvi dan in-nuqqas.
//= $special ?>