Lokali

Konferma li ma saret ebda konsultazzjoni dwar il-liġi tal-volontarjat

“Issospendi l-legal notice u ibda konsultazzjoni” – Kien dan il-messaġġ dirett li ħareġ waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata miċ-Chairperson u l-Viċi Chairperson tal-Kunsill tas-Settur tal-Volontarjat, fejn ħareġ biċ-ċar li l-liġi saret mingħajr ebda konsultazzjoni mas-settur. Dan meta qed ikompli t-tħassib serju dwar il-ligi l-ġdida li ħareġ il-Gvern ta’ Robert Abela. Kompla joħroġ biċ-ċar li din il-liġi illi xeħtet piż qawwi fuq l-għaqdiet volontarji.

Fis-sigħat li ġejjin, il-Kunsill se jkun qed jippreżenta lill-Gvern b’dokument ta’ aktar minn 30 punt li fih juri x’għandu jinbidel jew jitneħħa mil-liġi l-ġdida. Dan biex wara ssir konsultazzjoni sħiħa mal-għaqdiet volontarji qabel ma tidħol fis-seħħ il-liġi inkwisjoni.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, iċ-Chairperson Noel Camilleri saħaq li dawn il-liġijiet se jkunu ta’ xkiel għall-operat tal-għaqdiet volontarji. Regolamenti li flok jgħinu se jkunu “mażra ma’ għonq l-għaqdiet.”

Fl-aħħar jiem kienu ħafna dawk li esprimew id-diżappunt tagħhom ghal din il-liġi, fosthom NGO’s u każini u tul l-intervent tiegħu, l-Viċi Chairperson Robert Farrugia fakkar kif dan is-settur iħaddem madwar 5,000 persuna. Dan filwaqt li saħaq li l-Kunsill m’huwiex kontra skrutinju fuq l-għaqdiet u aktar trasparenza iżda saħaq li dawn il-liġijiet il-ġodda se joħonqu l-prosperità tal-għaqdiet.