Lokali Parlament

L-Istat Malti għandu l-obbligu li ma jispiċċawx nies fit-toroq bla djar u li jiżgura li d-drittijiet tas-sidien

Ivan Bartolo, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo qal fil-parlament li l-Istat Malti għandu l-obbligu li ma jispiċċawx nies fit-toroq bla djar u li jiżgura li d-drittijiet tas-sidien ikunu rispettati.

Fid-dibattitu parlamentari dwar ir-Riforma tal-Kirjiet Kontrollati qal li l-PN jaqbel mal-medjatazzjoni li twassal għal qbil bejn l-inkwilin u s-sidien u ma jridx li l-persuni involuti jmorru qorti.

Hemm ukoll diffikultajiet jekk ma jkunx hemm qbil dwar l-istimi tal-propjetà, sostna Ivan Bartolo, li żied li l-maġġoranza tal-postijiet huma okkupati minn persuni bi dħul baxx. Il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-kirjiet poġġiet is-sitwazzjoni lil hinn minn għażliet għal din il-kategorija ta’ nies u kkomplikat ruħha iktar.

Hu qal li din hi bomba soċjali tal-ħin li timmarka u sostna li hemm lista ta’ stennija ta’ kważi 2,000 għall-akkomodazzjoni soċjali. Għandha tkun esplorata l-possibbiltà li jinxtraw djar mhux użati għall-akkomodazzjoni soċjali.

Hu staqsa x’għajnuna u gwida se jingħataw is-sidien u l-inklwini partikolarment lill-anzjani, x’jiġri jekk id-deċiżjonijiet tal-qorti jdumu biex jittieħdu u kif se tkun żgurat li ma tinħoloqx tnesjoni bejn is-sidien u l-inkwilini.

L-Istat Malti għandu l-obbligu li ma jispiċċaw nies fit-toroq u li jiżgura li d-drittijiet tas-sidien ikunu rispettati. Għalhekk iridu jinħolqu skemi ta’ tnaqqis fit-taxxa bili jintlaħaq ftehim dwar il-kirjiet eżistenti. Il-liġi ma trattax il-kwistjoni tas-sidien li jixtiequ jieħdu l-propjetà lura mingħand is-sidien.

Is-sidien jeħtieġu kumpens xieraq għaliex hemm sidien li tilfu l-flus li kieku dawn krew fis-suq liberali, sostna Ivan Bartolo, li kompla li hemm inkwilini li jkunu ħadmu ħafna li rranġaw id-dar li huma jkunu daħlu fiha; anki dan għandu jkun ikkunsidrat.

Ivan Bartolo staqsa jekk dan l-abbozz hux validu mil-lenti kostituzzjonali għax jekk le allura m’hemmx il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali. Hu qal li qed isir pass ‘il quddiem fejn il-PN tkellm u ddiskutiet għaliex għadu rieda tajba biex din il-liġi tkun l-aħjar waħda possibbli quddiem ir-realtajiet tas-soċjetà.