Coronavirus Lokali

“L-operaturi tat-tiġijiet u l-koppji ma jistgħux jibqgħu fl-għama” – Chamber of SME’s

Is-settur tat-tiġijiet intlaqat ħażin ħafna kawża tal-Covid. L-industrija u l-koppji li jiżżewġu ilhom jgħixu f’inċertezza kbira u kontinwa dwar il-
posponimenti u l-kanċellazzjonijiet tat-tieġ tagħhom sa mill-bidu ta’ din il-pandemija.

Fi stqarrija iċ-Chamber of SME’s qalet li dan is-settur reċentement kellu jingħalaq għal darb’oħra eżattament fl-istaġun l-akar importanti għan dan is-settur.

Dan wassal għal daqqa devastanti lis-settur, li diġà kien f’livell estremament vulnerabbli, wara l-impatt li l-Covid kellu fuq is-sena li għaddiet. Dan minbarra li dan is-settur kellu jinvesti aktar biex jikkonforma mar-restrizzjonijiet u jibqa’ aġġornat b’mod kostanti u jkun preparat għal meta jkunu jistgħu jerġgħu jsiru t-tiġijiet. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kamra għan-negozji żgħar u medji bħalissa tinsab f’diskussjonijiet mal-awtoritajiet konċernati biex immedjatament jittaffa l-impatt li sofra dan is-settur.

Dak li huwa magħruf s’issa huwa li hemm ħsieb li t-tiġijiet jitħallew isiru mill-1 ta’ Ġunju. Din l-inċertezza għal darba’oħra qed titfa’ lil dan is-settur u lill-koppji f’kaos hekk kif ma jafux eżatt x’se jiġri u x’restrizzjonijiet se jkun hemm.

L-istqarrija tkompli tgħid li l-esperjenza li l-awtoritajiet tas-saħħa kisbu
matul is-sena li għaddiet, tippermettilhom jistabbilixxu pjan ċar ta’ x’se jkun permessibbli. Suppost jidher li sal-1 ta’ Ġunju Malta se tkun eqreb biex tintlaħaq l-herd immunity u għalhekk dan għandu jagħti iktar serħan il-moħħ lill-awtoritajiet tas-saħħa li s-sitwazzjoni tista’ tkun pjanata.

Iċ-Chamber of SME’s tisħaq li l-awtoritajiet tas-saħħa huma mitluba jiżvelaw b’mod ċar x’inhu l-fattur determinanti li fuqu qed jibbażaw li jerpġgħu jibdew isiru t-tiġijiet.

L-istqarrija ttemm tgħid li bi ftit iktar minn xahar ‘il bogħod, il-fornituri tat-tieġ u l-koppji tagħhom ma jistgħux jitħallew fl-għama dwar dak li se jiġri.