Futbol Sport

Malta se tospita l-Kampjonati Ewropej ta’ taħt id-19 -il sena tal-futbol

(Ritratt: mfa.com.mt)

Wara l-laqgħa tal-EXCO tal-UEFA, kien ikkonfermat li Malta rebħet id-dritt li tospita l-Kampjonati Ewropej ta’ taħt id-19-il sena tal-futbol li se jsiru fis-sajf tal-2023.

Dan se jkun l-ewwel tournament internazzjonali tal-futbol li pajjiżna se jospita wara l-Kampjonati Ewropej wara dawk ta’ taħt is-17 -il sena li kienu organizzati f’pajjiżna fl-2014 fejn kien intrebaħ mill-Ingilterra.

F’Lulju li għadda, Malta kienet applikat għad-dritt li tospita l-fażi finali ta’ tournament tal-UEFA tal-2024. Il-Kampjonati Ewropej tas-sena li għaddiet u ta’ din is-sena kienu kkanċellati minħabba l-pandemija tal-COVID-19 filwaqt li dik tas-sena d-dieħla mistennija ssir fis-Slovakkja.

Taħt it-tmexxija tal-President Bjorn Vassallo, l-MFA fix-xhur li għaddiet nediet strateġija bl-għan li l-istandard tal-futbol f’pajjiżna jkompli jitjieb, bil-pjan se jkun qed jindirizza sabiex isir titjib fl-istruttura teknika u dik infrastrutturali tal-logħba tal-futbol.

Il-Partit Nazzjonalista jifraħ lill-MFA għal din il-kisba

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, f’messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook feraħ u rringrazzja lill-MFA li rnexxielha ġġib tournament prestiġjuż fuq skala internazzjonali f’pajjiżna. Bernard Grech qal li l-Kampjonati Ewropej ta’ taħt id-19 -il sena se jaspiraw ġenerazzjoni ġdida ta’ atleti filwaqt li qal li l-isport huwa fil-qalba tal-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista fejn tenna l-wegħda li Gvern Nazzjonalista jwaqqaf Ministeru għall-Isport

Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Isport Clyde Puli wkoll feraħ lill-President tal-MFA Bjorn Vassallo u lill-assoċjazzjoni għal din il-kisba għall-pajjiżna.