Lokali Unjoni Ewropea

Roberta Metsola tinħatar biex tmexxi l-inizjattiva tal-UE kontra l-kawżi SLAPP

Il-Parlament Ewropew għadu kif approva t-tħejjija ta’ rapport biex l-Unjoni Ewropea ikollha regoli li jipprevjanu li jinfetħu kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, magħrufa bħala SLAPP. L-għan wara dawn il-proċeduri legali hu biex isikktu individwi u organizzazzjonijiet li jitkellmu dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku, bis-settur ġurnalistiku ikun ħafna drabi fil-mira ta’ dawn l-azzjonijiet. 

Wara snin ta’ pressjoni, l-Parlament Ewropew ħatar lill-ewwel Viċi President Roberta Metsola biex tmexxi din l-inizjattiva. Il-Viċi President Metsola, li hija ukoll membru tal-Kumitat għall-Libertajiet Ċivili, l-Ġustizzja u l-Intern, se tkun qed tmexxi r-rapport mal-ewroparlamentari Tiemo Wolken (S&D).

Fl-ewwel kummenti wara li ġiet inkargiata b’dan l-irwol, il-Viċi President Metsola qalet: “Dan jista’ jkun mument sinifikanti għall-ġurnaliżmu fl-Ewropa. Il-ġurnalisti mhux biss qed jiġu mhedda permezz tal-vjolenza jew saħansitra jisfaw maqtula, iżda jħabbtu wiċċhom ma individwi li jippruvaw jagħlqu ħalq il-kmamar tal-aħbarijiet billi jiftħulhom kawżi fi qrati barranin. Ħafna drabi il-ġurnalisti isibuha diffiċli biex jiddefendu kawżi bħal dawn minħabba il-prezz għoli li jkollhom iħallsu, li ma jħallilhomx triq oħra ħlief li jbaxxu rashom. L-għan wara dawn il-kawżi hu biex il-ġurnalisti jiġu intimidati u msikkta. Għaldaqstant, kawżi ta’ SLAPP huma ta’ theddida fuq id-demokrazija u d-dritt li l-pubbliku ikun magħrraf b’dak li jkun għaddej. 

Il-Viċi President tal-Parlament Ewropew żiedet tgħid: “Irridu li dan ir-rapport ikollu l-aktar appoġġ wiesa possibli, u għalhekk se nkunu qed nieħdu ħsieb it-tħejjija tar-rapport bejn żewġ kumitati parlamentari differenti. Inħares ‘il quddiem għall-ħidma sfieqa li twassal għall-akbar appoġġ possibli għall-proposti li se nkunu qed inressqu.”

“Sal-aħħar tas-sena irrid li titressaq Direttiva Ewropea ċara kontra kawżi SLAPP. Filwaqt li hu minnu li l-perspettivi fuq liġi internazzjonali jistgħu ikunu ta’ sfida, iżda nemmen li għandna bażi legali fuq xhiex nibbażaw il-proposta tagħna.”

Il-Viċi President Metsola spjegat li se tiddedika din il-ħidma “għall-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li meta inqatlet kellha 42 każ kontriha pendenti u l-assi tagħha ffriżati minn dak li kien il-Ministru għall-Ekonomija.” Kompliet li “din hi ukoll għall-familja tagħha li qed ikollhom jiddefendu isimha wara li diversi persuni għażlu li ma jwaqqgħux il-każi li kienu fetħu kontriha, anke wara l-qtil tagħha.” Temmet tgħid li r-rapport li se tħejji hu maħsub biex iħares lil kull kamra tal-aħbarijiet, kull ġurnalist, kull blogger u kull għaqda mhux governattiva li ġew mhedda.