Il-Kap tal-Oppożizzjoni Russa, Alexei Navalny fl-aħħar sigħat kellu jkun ittrasferit lejn sptar li jifforma parti minn kumpless ta’ ħabs – bl-awtoritajiet isostnu li hu jinsab f’kundizzjoni fiżika ‘sodisfaċenti’.
Navalny – il-kritiku ewlieni tal-President Russu Vladimir Putin – ilu għaddej bi strajk tal-ġuh għal 20 jum u fejn qed jilmenta dwar ‘attenzjoni medika inadekwata’. Hu, bħalissa, qed jinżamm fil-ħabs ta’ Pokrov, lejn il-lvant ta’ Moska.
L-awtoritajiet tal-ħabs qalu li Navalny qed ikun eżaminat minn tabib kuljum u li hu deċieda li jingħata l-vitamini waqt li għaddej bil-protesta attwali.
Alexei Navalny kien spiċċa vvelenat matul is-sajf meta persuna jew persuni tefgħulu nerve agent (sustanza velenuża) fil-kafe waqt li hu kien qed jistenna biex jaqbad titjira fir-Russja. Hu, wara, kien ittrasferit għall-Ġermanja fejn irnexxielu jsalva – bit-tossikoloġiċi jikkonkludu li Navalny kien ingħata l-velenu tat-tip Novichok.
Il-Gvernijiet tal-Punent akkużaw lir-Russja dwar ‘l-attentat fuq il-ħajja ta’ Navalny’, bil-Kap tal-Oppożizzjoni Russa jwaħħal direttament fil-President Putin. Intant, il-Kremlin ta’ Moska ċaħad kull akkuża u anki qed jikkuntesta l-aspett tan-Novichok.
Il-Ministeru tal-Intern f’Moska issa wissa lill-poplu biex ma joħroġx jipprotesta ‘favur Navalny’ fit-toroq. Dan wara li s-sostenituri ta’ Navalny sejħu biex, f’nofs il-ġimgħa, isiru r-rallies madwar il-pajjiż fi żmien meta l-President Putin għandu jagħmel diskors importanti dwar ‘is-sitwazzjoni tal-pajjiż’.
//= $special ?>