Coronavirus Lokali Saħħa

Tibda n-normalità fi New Zealand u l-Awstralja; għada deċiżjoni importanti dwar il-Johnson & Johnson

Għall-ewwel darba f’aktar minn sena, irritornaw it-titjiriet bejn l-Awstralja u New Zealand b’mod liberu, mingħajr l-obligu tal-kwaratina – f’dik li qed tissejjaħ ‘travel-bubble’.

Mil-lum, eluf bdew itiru bejn iż-żewġ pajjiżi. Fil-fatt, kien hemm xeni emozzjonanti fl-ajruporti, b’ familji shah jaraw mill-ġdid lil qrabathom wara żmien twil.

Kemm l-Awstralja kif ukoll New Zealand irnexxielhom jirbħu l-battalja kontra l-Covid. Il-programm ta’ tilqim ukoll għaddej b’ritmu tajjeb ħafna.

L-ekonomija ta’ New Zealand u dik tal-Awstralja mistennija jkunu l-ewwel fid-dinja li jibdew jirkupraw mid-daqqa tal-Coronavirus.

Intant, fl-aħħar sigħat sar magħruf li l-Gvern Taljan irnexxielu jikseb aktar vaċċini mill-UE – tliet darbiet aktar mill-ammonti li ingħataw sa issa.

Għada imbgħad, se tingħata d-deċiżjoni mill-EMA dwar il-vaċċin tal-Johnson & Johnson – fi kliem sempliċi, jekk hux se jiġi approvat jew le mill-awtoritajiet Ewropej.