Lokali Qorti

24 xahar ħabs wara li sgassa appartment u seraq b’€5,000 f’deheb lill-koppja anzjana

Matthew Piscopo ta’ 46 sena mill-Furjana ġie kundannat 24 xahar ħabs mill-Maġistrat Nadine Sant wara li nstab ħati li f’Novembru tal-2012 huwa sgassa appartament ta’ koppja anzjana u seraq b’kemm jiswew €5,000 f’deheb u oġġetti. Dak iż-żmien il-koppja kellha 76 u 77 sena.

L-anzjani residenti l-Belt Valletta ma kienux id-dar dak inhar tas-serqa li kien fil-jum tal-Ħadd meta huma f’dik il-ġurnata partikolari normalment ma jkunux id-dar. Il-koppja pensjonanti vittmi tas-serqa kienu baqgħu jħossu l-effetti tat-trawma li sofrew għall-perjodu ta’ żmien. Piscopo, missier ta’ tliet itfal instab ħati wkoll ta’ serq aggravat u li sar reċidiv.

L-Ispettur Carlos Cordina qal fil-qorti li Piscopo li jbati mill-problema tat-teħid tad-droga kellu kundanni preċedenti għal serq iżda żied li huwa dejjem ċaħad li kellu xi parti f’dan is-serq. Madankollu nstabu l-marki tas-swaba tiegħu mal-faċċata tal-biex tar-residenza tal-anzjani.

Il-każ imur lura għat-18 ta’ Novembru 2012 meta ġie rraportat li kien hemm sgass f’residenza fi Triq il-Punent, il-Belt, Valletta. L-anzjan kien stqarr li fl-2012 kien għamel rapport mal-Pulizija minħabba li għall-habta tas-6.30pm. hekk kif hu u l-mara tiegħu rritornaw id-dar, sabu l-bieb ta’ barra sgassat u xi taqlib ġewwa.

Meta daħal seta’ jinnota li kien insteraq għadd ta’ deheb b’valur ta’ madwar  €5,000. L-oġġetti misruqa kienu jinkludu ċrieket u ġiżirajjen tad-deheb. Huwa spjega li l-oġġetti insterqu mlll-gwardarobba u minn kexxun fil-komodina.

Fuq il-post kien hemm tornavit u furmatur L-anzjan qal ukoll li konsegwenza tas-serqa, il-kondizzjoni tad-dimenzja li biha tbati l-mara tiegħu kienet kompliet tiggrava. Dak inhar tas-serqa ma kienx id-dar u kien ilu barra sa minn filgħodu. Qal ukoll li lill-imputat ma jafux.  Il-vittma semma whud mill-oggetti neqsin li kienu jinkludu wkoll ċurkett bil-fossa ta’ kulur roza, ċurkett tal-lira, żewġ chokers tal-irġiel, choker tan-nisa u xi fili u brazzuletti.  Qal ukoll li kien hemm xi flus antiki, arlogġi u affarijiet oħra.

Minn investigazzjonijiet tal-Pulizija, is-suspett waqa’ fuq Matthew Piscopo u wara li gie arrestat, gie mitkellem mill-Pulizija fejn ċaħad li kien il-Belt meta seħħet is-serqa.

Il-Pulizija qalet li ttieħdu kampjuni tal-impronti digitali tal-imputat. Meta l-anzjani ġew murija ritratti ta’ diversi persuni, inkluż l-imputat,  huma ma għarfu lil hadd minnhom.

Fuq kif is-suspett waqa’ fuq l-imputat, ix-xhud spjega li l-Pulizija kienet irċeviet informazzjoni kunfidenzjali li imbagħad ġiet segwita b’investigazzjonijiet ulterjuri.  Minkejja dan l-imputat baqa’ jinnega tant li qal, li qatt kien mar ġewwa r-residenza jew il-blokka ta’ l-appartamenti.

“Jien qatt ma kont ngħix hemm hekk u lanqas qatt ma dħalt fil-blokka. Le qatt ma kelli tfajla minn hemm, jien minn hemm isfel qatt ma kelli zgur.” Meta kien ikkonfrontat li l-pulizija kellhom evidenza li turi mod ieħor, l-imputat baqa jinnega l-involviment tiegħu. “Mhux jien zgur….. Ghax f’dak il-post ma kont qatt”, kompla dejjem jgħid.

Fl-istqarrija tiegħu Piscopo qal li kien ilu jabti mill-vizzju tad-droga għal madwar 25 sena u li kien qiegħed immur għal laqgħat ħalli jidħol għall-programm ta’ rriabilitazzjoni tal-Caritas ġewwa Santa Marija.

Fl-istess hin kien qed inaqqas l-użu tal-methadone sabiex ikun jista jidħol għal programm ta’ riabilitazzjoni ġewwa Dar l-Impenn. Huwa mhux biss innega l-involviment tiegħu f’din is-serqa iżda nnega wkoll li kien hemm xi ħadd ieħor involut miegħu.  

Il-Qorti qalet li rriżulta li l-esperti nominati fuq ix-xena tal-post elevaw lifters minn fuq il-bieb ta’ barra minn naħa ta’ barra, kif ukoll lifter elevat minn fuq kaxxa tal-kartun li kienet fil-kamra tas-sodda flimkien mar-ritratti relattivi taghhom u hemm jindika l-konnessjoni tal-imputat.

Mir-rapport ta’ l-inċident irriżulta li l-imsemmi turnavit ċatt u furmatur ġew elevati mill-pulizija tal-forensika għal aktar stħarriġ. In kwantu għall-ħsara ġew indikati il-bieb ta’ barra li ġie sgassat u trid tinbidel is-serratura, rtokki fl-injam, jitwaħħlu lura ż-żewġ serraturi tal-gwardarobba li nqalgħu minn posthom.

Mir-relazzjoni ta’ l-espert Joseph Mallia jirriżulta li ħa l-impronti digitali ta’ idejn ta’ l-imputat fejn ikkonkluda li l-impront ġie ikkomparat pożittivament u għalhekk hija identika ma’ parti mill-marka tal-pala tal-id ix-xellugija ta’ Matthew Piscopo, u impronta oħra  elevata permezz tal-lifter ġiet ikkomparata wkoll pożittivament u għalhekk hija identika mal-marka tas-saba ż-żgħir tal-id ix-xellugija ta’ Matthew Piscopo,  

Il-Qorti qalet li mill-provi  prodotti jirriżulta b’mod car li l-imputat kien fil-post ta’ l-inċident.  Saret distinzjoni bejn impronti li jinstabu f’postijiet pubbliċi li fihom imorru ħafna nies u impronti li jinstabu f’residenza u tenniet li l-prova tal-impronti digitali waħedha għandha tkun biżżejjed bies tissodisfa l-oneru tal-prova .

Fil-kors normali tal-ħajja n-nies ma joqgħodux iċappsu jdejhom ma’ bibien tan-nies, speċjalment bibien li ma jintużawx.  Għalhekk, kompliet il-Qorti ma kien ebda raġuni plawsibbli u probabbli taħt il-kappa tax-xemx għala l-marka tal-pala ta’ idejn Piscopo kellha tinstab fuq il-bieb inkwistjoni.

Ingħad ukoll li meta l-Qorti tqis l-oġġetti li kienu misruqa, il-vizzju tad-droga li kien ibati minnu l-imputat f’dak iż-żmien, u l-valur tal-oġġetti misruqa, tkompli tinforza l-mottiv ghalfejn l-imputat wettaq din is-serqa. Il-Qorti ordnat ukoll li meta Piscopo jiskonta l-piena iħallas lura dak kollu dovut lill-vittmi. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Mario Xiberras.