Raġel minn Ħ’Attard inżamm taħt arrest preventiv wara li allegatament ippoża bħala sewwieq li kien għaddej minn problemi u dan biex iqarraq b’dawn li kienu għaddejjin minn ħdejh. Russel Bugeja ta’ 47 sena kien akkużat li ffroda numru ta’ nies bejn Marzu u April ta’ din is-sena.
Huwa ġie akkużat ukoll li għamel qligħ bi frodi. Bugeja kien akkużat li sar reċediv. L-Ispettur Godwin Scerri akkuża lir-raġel quddiem il-maġistrat Audrey Demicoli fejn spjega li Bugeja u kompliċi allegatament waqqfu vetturi fuq roundabout, jippretendu li sofrew ħsara fil-vettura tiegħu u kkonvinċew lis-sewwieqa biex isellfuhom flus għal tiswijiet fittizji u wara jisparixxu. Inħareġ mandat ta’ arrest wara li l-akkużat ġie rikonoxxut mill-filmati tas-CCTV.
Bugeja qal lill-qorti li huwa kaptan tad-dgħajsa. Huwa wieġeb mhux ħati. Saret talba għal libertà proviżorja mill-avukat tal-għajnuna legali tal-akkużat, Yanika Bugeja. L-Ispettur Scerri esebixxa l-istqarrija tal-akkużat u r-rifjut tiegħu li jikkonsulta ma’ avukat. Huwa oġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest minħabba li kien hemm diversi xhieda ċivili li għad iridu jixhdu u l-investigazzjonijiet dwar allegati kompliċi fir-reat kienu għadhom għaddejjin.
L-Avukat Bugeja fakkret lill-qorti li r-raġel kien innoċenti sakemm ġie ppruvat ħati. Huwa kellu problema u ried imur fit-Taqsima tad-Dipendenza fuq id-Droga minn jeddu għal xahar ta’ rijabilitazzjoni. Waħda mir-raġunijiet għalfejn intalbet il-libertà proviżorja kienet li tgħinu jgħin lilu nnifsu, qalet.
“Hu jaf li jekk jikser il-pleġġ ikun hemm konsegwenzi ħafna agħar għalih.” Hija qalet li l-aħħar kundanna tiegħu kienet 12-il sena ilu. Iżda l-Ispettur Scerri indika r-rekord kriminali tar-raġel li wera li għandu problemi serji ta’ droga. “Ir-raġuni wara r-reat kienet li jkompli jmantni i-vizzju tad-droga, l-istess bħal kompliċi tiegħiu” huwa qal.
Il-kompliċi l-oħra, mara, li se tiġi arrestata u akkużata dalwaqt, tgħix fl-istess indirizz tal-akkużat, għalkemm bħalissa qiegħda tiġi ttrattata fl-Isptar Monte Karmeli, spjega l-Ispettur. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli, ċaħdet il-libertà proviżorja minħabba l-possibbiltà li l-akkużat jikkontamina l-evidenza, iżda rrakkomanda lill-awtoritajiet tal-ħabs li l-akkużat jingħata l-għajnuna kollha li kellu bżonn biex jiġġieled il-problema tiegħu tad-droga.
//= $special ?>