Futbol Sport

ESKLUSSIVA: “Is-Super League hu mudell kummerċjali magħluq għall-ftit” – Bjorn Vassallo, President tal-MFA

(Ritratt: Joe Borg)

Il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo sejjaħ il-pjan tat-twaqqif tas-Super League bħal wieħed imfassal “fuq proposti ta’ mudell kummerċjali li huwa magħluq għall-ftit u li jikkuntrasta bil-kbir il-valuri sportivi, kulturali u socjali fejn il-profitti jiddettaw fuq kollox”. Vassallo, li bħalissa jinsab f’Montreux, l-Iżvizzera għall-kungress tal-UEFA, qal dan meta kien qed jagħti l-ewwel kummenti tiegħu lil Net News, bħala reazzjoni għal dak li qed jiġri bħalissa.

“Il-pressjoni li saret mill-partitarji tat-tnax-il tim li riedu jiffurmaw is-Super League u oħrajn inkluż il-FIFA u l-UEFA u saħansitra bosta politiċi nvoluti fid-deċiżjonijiet mhux sportivi izda li jolqtu l-ħajja ta’ kuljum tas-socjeta’ wasslet biex titreġġa lura l-idea ta’ uħud mill-klabbs nvoluti u b’hekk jidher li mistenni jirtiraw mis-Super Leauge”, qal Vassallo wara li għadd ta’ klabbs jidher li qed jaghmlu u-turn dwar l-ideja li jinħoloq u jkunu parti mis-Super League.

Vassallo qal li l-kwistjoni kollha ddur mal-mudell propost ta’ dan il-kampjonat, hekk kif il-mudell Ewropew huwa mfassal fuq l-unita’, il-kompetizzjonijiet miftuħa, il-prinċipji sportivi, is-solidarejtà u r-ridistribuzzjoni finanzjarja, mentri s-Super League huwa mfassal fuq proposti ta’ mudell kummerċjali li huwa magħluq għall-ftit u li jikkuntrasta bil-kbir il-valuri sportivi, kulturali u socjali fejn il-profitti jiddettaw fuq kollox.

Il-President tal-MFA laqa’ b’sodissfazzjoni l-aħħar żviluppi hekk kif kollox jidher li reġa’ ġej lura għan-normal u qal li għandu jkun hemm djalogu biex fejn il-UEFA naqset jintlaħaq kompromess biex ikunu zgurati sostenibbilita’ u żvilupp tal-logħba tal-futbol ghall-benefiċċju ta’ kull klabb involut fil-logħba. Ma jfissirx li m’hemmx fejn jitjieb fil-kalendarju, l-format u r-ridistribuzzjoni finanzjarja iżda permezz ta’ unita’ u djalogu hemm soluzzjonijiet għal kollox.