Lokali

Filmati ta’ Ħaddiema waqt Ħidma Perikoluża – OHSA

L-OHSA tirreferi għal filmati li qed iduru fuq il-mezzi tal-media soċjali li juru żewġ ħaddiema f’gaġġa, li
għal xi raġuni fallitilha s-sistema tal-irfigħ. Il-filmati la jagħtu indikazzjoni tal-lokalità fejn ittieħdu u
lanqas ta’ meta ttieħdu, għalkemm jidher ċar li ma ttieħdux f’dawn il-ġranet.

Fi stqarrija l-OHSA saħqet li l-fatt li persuna ddeċidiet li tieħu filmat u ttellgħu fuq il-media soċjali, mingħajr ma nfurmat lill-OHSA jfisser biss li l-ħaddiema tħallew f’sitwazzjoni ta’ periklu. Ifisser ukoll li l-OHSA ma setgħetx tintervjeni
jew tinvestiga bl-iskop li inċidenti bħal dawn ma jirrepetux irwieħhom.

F’każijiet fejn se jkun se jsir xogħol fl-għoli, idealment għandu jintuża mobile elevated working
platform. Jekk dan mhux possibbli, is-sistema tal-irfigħ, inkluż il-kontrapiż u l-mutur, għandha tkun
iddisinjata u mmanifatturata biex tiflaħ il-piż kollu tal gaġġa, tal-ħaddiema, tal-għodda u materjal
ieħor. Is-sistema tal-irfigħ, il-gaġġa u slings iridu jkun eżaminati u ċċertifikati minn persuna
kompetenti.

Barra minn dan, l-OHSA insistiet għandu jintlibes safety harness imqabbad ma’ anchor point sikur u
separat mis-sistema tal-irfigħ. Trid issir ukoll evalwazzjoni tar-riskju minn persuna kompetenti li
tinkludi, fost oħrajn, mezzi ta’evakwazzjoni u komunikazzjoni u l-użu ta’ safety harness.

L-OHSA tinsisti bil-qawwa kollha li min josserva sitwazzjonijiet ta’ xogħol perikoluż għandu
immedjatament jirrapporta lill-OHSA, anki b’mod anonimu fuq 21247677 (waqt il-ħin tax-xogħol) jew
99496786 (wara l-ħin tax-xogħol) jew b’email: ohsa@gov.mt