Lokali

Ġurnalisti taħt pressjoni madwar l-Ewropa

“Fl-2006 kienu ipprovaw iqabbdu d-dar tiegħi, tyres ta’ trakkijiet bi flixkien tal-petrol ġo fihom tpoġġew wara bieb tal-ħġieġ għall-ħabta tat-3 ta’ filgħodu. L-intenzjoni tagħhom kienet ċara; li jqabbdu r-residenza tagħna bina ġo fiha.”

Dan kien rakkont ta’ Daphne Caruana Galizia li pparteċipat fi studju dwar il-pressjoni li qed jiffaċċjaw il-ġurnalisti fil-Fakulta’ għat-Tisħiħ tas-Soċjeta fl-Universita’ ta’ Malta.

L-intervista kienet saret fis-6 ta’ Ottubru 2017. Għaxart’ijiem wara, hi nqatlet b’karozza bomba. Daphne Caruana Galizia kienet waħda minn 20 ġurnalista madwar l-Ewropa li ħadu sehem f’dan l-istudju.

Fl-introduzzjoni tagħha waqt webinar li sar it-Tlieta, il-Professur Marilyn Clark qalet li l-ġurnalisti jiffaċċjaw diversi theddid, theddid fiżiku, theddid minn kriminalita’ organizzata gruppi politiċi tal-lemin estrem u attakki fiżiċi kontra ġurnalisti li kienu mpinġija bħala tradituri mill-Gvern ta’ pajjiż.

F’pajjiżi oħra, kien hemm intimidazzjoni mill-Pulizija jew forzi tal-ordni oħrajn, kampanji ta’ cyberbullying biex ġurnalisti jkunu skreditati u assassinju tal-karattru.

Ir-riċerka uriet ukoll li ġurnalisti nisa isofru wkoll intimidazzjoni fuq bażi tal-ġeneru tagħhom.

L-istudju sab ukoll forom oħra ta’ intimidazzjoni, fosthom bl-użu ta’ mezzi legali u ġudizzjarji. Ewlenija fosthom it-theddida ta’ kawżi SLAPP fejn ġurnalisti m’għandhomx il-mezzi biex jiddefendu lilhom nfushom u jkollhom jieqfu milli jinvestigaw.

F’ċertu pajjiżi, il-Gvernijiet jużaw l-iskuża tas-sigurta’ nazzjonali biex irażżnu l-ħidma ġurnalistika. Oħrajn jheddu billi jirtiraw il-liċenzja tax-xandir jew jirtiraw reklamar.

L-istudju wera li kien hemm każi fejn il-ġurnalisti kellhom iċedu għall-pressjoni u joqogħdu lura milli jippubblikaw stejjer investigattivi, filwaqt li oħrajn sabu l-esperjenza ta’ intimidazzjoni iktar saħħet id-determinazzjoni tagħhom biex ikomplu jinvestigaw.