Minħabba l-persistenza tal-pandemija, il-previżjonijiet tal-Gvern għar-rigward tad-deficit irdoppjaw. Minn 5.9 fil-mija kif kien previst fid-diskors tal-Budget li għadda, għal 12 fil-mija.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn ta dettalji dwar ir-reviżjoni taċ-ċifri fiskali għal din is-sena, il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana qal li l-Gvern kellu tnaqqis ekwivalenti ta’ €5 miljun kuljum, 3 miljun żieda fin-nefqa f’diversi miżuri u 2 miljun tnaqqis mid-dħul tal-Gvern.
Kif mistenni, l-akbar daqqa kienet fit-turiżmu, hekk kif kien hemm tnaqqis ta’ 80%: minn 2.8 miljun wasla ta’ turisti fl-2019 għal 680,000 is-sena li għaddiet.
Għal dak li għandu x’jaqsam mad-dejn pubbliku, dan tela’ b’10 fil-mija f’temp ta’ sena: minn 55% tal-Prodott Gross Domestiku għal 65%. Minkejja dan, il-Ministru Caruana saħaq li l-finanzi pubbliċi għadhom sostenibbli.
Fost il-miżuri li mistennija jaffetwaw in-nefqa tal-Gvern fis-snin li ġejjin hi l-programm ta’ sussidju tal-Air Malta. Mistoqsi jekk kienx hemm xi risposta min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, Clyde Caruana qal biss li se jkollu laqgħa mal-Kummissjoni fil-jiem li ġejjin.
Hu qal li l-parti l-kbira tan-nefqa kienet fuq il-qasam tas-saħħa u l-miżuri tal-Malta Enterprise.
Clyde Caruana qal li s-suq tax-xogħol inżamm stabbli iżda irrikonoxxa li ħafna ħaddiema esperjenzaw tnaqqis fid-dħul u oħrajn li s-sahra u l-part-time spiċċaw fix-xejn.
//= $special ?>