Internazzjonali

Il-Ġermanja: Armin Laschet jingħata l-appoġġ tal-partit ta’ Merkel għar-rwol ta’ Kanċillier

Il-Kap tal-Partit CDU (Demokristjan) Armin Laschet hu garantit mill-appoġġ tal-partit tiegħu – partit sinonimu mal-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel — meta qed iħejji biex jikkuntesta l-elezzjonijiet ġenerali ta’ Settembru bħala l-kandidat taċ-ċentru-lemin għar-rwol ta’ Kanċillier.

Laschet għandu l-appoġġ ta’ 77.5 fil-mija tal-membri tal-bord eżekuttiv tas- CDU waqt li r-rivali, Markus Sodor – il-Kap tal-Partit CSU (tal-Bavarja) li hu s-sieħeb iż-żgħir tas-CDU – kiseb l-appoġġ ta’ ftit aktar minn 22 fil-mija tal-bord.

Soder, wara, qal li aċċetta r-rebħa ta’ Laschet u li ‘partit jista’ jirnexxi biss f’elezzjoni jekk kemm-il darba jibbaża fuq l-għaqda.’

Angela Merkel, li ilha Kanċillier tal-Ġermanja mill-2005, għandha twarrab mill-kariga wara l-elezzjonijiet federali tas-26 ta’ Settembru.

Armin Laschet, li għandu 60 sena, kien elett Kap tas-CDU f’Jannar u ilu żmien alleat leali ta’ Angela Merkel,. Intant, Laschet hu l-Prim Ministru ta’ Rhine Westphalia, fin-naħa ta’ fuq tal-Ġermanja, u li hu l-aktar Stat Ġermaniż li għandu popolazzjoni kbira.

Laschet hu magħruf ukoll bħala politiku b’kapaċità rari li jirkupra  mid-disfatti politiċi u rnexxielu jrawwem ukoll reputazzjoni bħala protagonista tal-politika liberali.

Fl-istess ħin, Laschet jemmen bis-sħiħ fil-funzjoni tal-Unjoni Ewropea waqt li, tul iż-żmien, bena r-relazzjonijiet tajbin mal-komunitajiet tal-immigranti fil-Ġermanja.

Sadanittant, Markus Soder, li għandu 54 sena, ilu mill-2018 Prim Ministru tal-Bavarja, l-Istat fil-Punent tal-Ġermanja u li hu fost l-aktar zoni sinjuri tal-pajjiż. Minkejja li tilef it-tellieqa ma’ Laschet hu rnexxielu jkabbar il-popolarità tiegħu waqt il-pandemija tal-Covid-19, wara li adotta mingħajr telf ta’ żmien diversi miżuri ta’ emerġenza, fosthom l-għeluq tal-iskejjel u l-passi biex ma jsirux l-avvenimenti kbar għall-pubbliku.