Lokali Parlament

Il-gvern ma kellux ir-riżervi finanzjarji li jgħid li kellu

Joe Ellis, PN

Id-deputat Nazzjonalista Joe Ellis qal li l-gvern ikkonferma li l-pandemija COVID qed tiswa lill-poplu €5 miljuni kuljum f’total u li s-sena li l-oħra l-gvern issellef €1.5 biljun. Dan juri li l-gvern ma kellux riżervi finanzjarji li kien jgħid li kellu.

Fil-parlament Joe Ellis qal li l-gvern hu ffortunat li l-pajjiż hu taħt il-Bank Ċentrali Ewropew u għalhekk qed jissellef b’rati ta’ imgħax verament baxxi.

Il-PN mhux jgħid li m’għandux isir self jew li l-gvern m’għandux jonfoq il-flus għall-pandemija u biex isostni lil dawk li batew bil-pandemija. Hu appella biex l-infieq isir kif suppost biex jgħin lil min verament għandu bżonn.

Id-deputat Nazzjonalista staqsa għaliex il-ħaddiema tal-Community Workers Scheme mhux isiru tal-post jekk il-gvern qed jiddeċiedi li se jibqgħu fl-iskema. Dan japplika wkoll għall-ħaddiema tal-kuntratt li l-gvern ma jimpjegax miegħu b’mod dirett. Hu qal li dawn il-każi qed iseħħu f’Għawdex u appella biex flus il-poplu jintużaw bl-aħjar mod.