Internazzjonali

Il-poplu ta’ Kuba jħares lejn il-futur taħt Kap komunista ġdid

Il-Partit Komunista li ilu jmexxi Kuba mill-aħħar tas-snin ħamsin ikkonferma li Miguel Diaz-Canel se jilħaq minflok Raul Castro bħala Segretarju Ewlieni tal-partit. Díaz-Canel, li fl-2018 ħa post Castro bħala l-President ta’ Kuba, kien ilu żmien favorit għal dan ir-rwol ġdid meta t-tmexxija tal-Partit Komunista tinvolvi l-aktar kariga influwenti f’din il-gżira Stat fir-reġjun tal-Karibew.

Il-bidla tfisser li Kuba qed tgħaddi taħt it-tmexxija ta’ raġel li mgħandux il-kunjom Castro għall-ewwel darba mindu Kuba konkludiet ir-rivoluzzjoni storika tal-1959…Rivoluzzjoni li permettiet biex il-pajjiż, minn dak iż-żmien ‘il hawn, jitmexxa dejjem mill-aħwa, Fidel u Raul (Castro).  

Díaz-Canel, li għandu 60 sena, hu politiku leali għall-aħwa Castro u jemmen fil-mudell ekonomiku tagħhom għal Kuba. Għaldaqstant, Raul Castro iddeċieda li jgħaddi t-tmun tal-pajjiż f’idejn Diaz-Canel li (fi kliemu) ‘jissimbolizza ġenerazzjoni ġdida mimli bil-passjoni u ideoloġikament marbuta mal-ispirtu anti-imperjalista’.

Id-delegati tal-Partit Komunista ta’ Kuba  eleġġew kumitat ċentrali ġdid fl-aħħar tal-ġimgħa iżda kien biss fl-aħħar sigħat li ħarġu d-dettalji dwar it-tmexxija ġdida f’Havana. Aktar kmieni fix-xahar kien sar magħruf li Raul Castro, li għandu 89 sena, kellu jwarrab mill-kariga tal-Ewwel Segretarju li kien ilu jokkupa  mill-2011 wara l-amministrazzjoni twila ta’ ħuh il-kbir, Fidel.

Kuba, fil-fatt, ilha tirrifletti l-personalità tal-aħwa Castro minn żmien ‘it-terremot tal-1959’ meta huma warrbu lir-reġim tal-Ġeneral Fulgencio Batista – l-eks mexxej awtoritarju tal-pajjiż.

Fidel Castro kien sar il-mexxej ta’ Kuba dritt wara dak l-avveniment storiku u meta marad, fl-2006, hu kien stenna sentejn biex jgħaddi l-Presidenza formalment lil ħuh, Raul. Fidel Castro miet fl-2016 u Raul, ma kellux il- problemi biex jikkonsolida l-awtorità tal-‘kunjom Castro’ fuq il-Partit Komunista li jibqa’ l-aktar entità influwenti fil-pajjiż.