Futbol Sport

Il-Qorti Spanjola tiddikjara li l-UEFA u l-FIFA ma jistgħux iwaqqfu s-Super League

Il-Qorti Spanjola ddikjarat li l-UEFA u l-FIFA ma jistgħux iwaqqfu l-European Super League, minkejja li fl-aħħar jiem kemm il-UEFA kif ukoll l-FIFA qalu li se jieħdu passi legali kontra t-12-il klabb li ddeċidew li jwaqqfu dan il-kampjonat.

Huma qalu wkoll li se jkunu qed iwaqqfu lill-istess klabbs milli jikkompetu fil-kampjonati domestiċi kif ukoll se jwaqqfu lill-players tal-klabbs rispettivi milli jilgħabu għall-pajjiżhom. Il-qorti f’Madrid qalet li l-FIFA u l-UEFA ma jistgħux jgħamlu restrizzjonijiet u lanqas b’xi mod jillimitaw it-tnedija tal-European Super League sakemm il-Qorti tkun semgħat il-każ kollu.

Il-Premier League qiegħed jikkonsidra li jieħu l-azzjonijiet kollha possibli fil-konfront tas-sitt klabbs Ingliżi li ddeċidew li jidħlu fis-Super League bil-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson wara laqgħa mal-FA Ingliża jgħid li se jkun qed jara li dan il-kampjonat jitwaqqaf.

Jidher ukoll li l-captain ta’ Liverpool Jordan Henderson sejjaħ laqgħa urġenti bejn il-captains kollha tal-klabbs fil-Premier League sabiex jiddiskutu t-triq ‘il quddiem.

Illejla għadd ta’ partitarji ta’ Chelsea nġabru quddiem Stamford Bridge ftit sigħat qabel il-partita mill-Premier League kontra Brighton fejn waqqfu l-players milli jidħlu fl-istadium. Dan sabiex juru l-għadab tagħhom għall-proposta tal-European Super League.