Lokali Parlament

Il-Whip tal-Gvern jattakka lill-Kummissarju għall-Istandards u lill-Ombudsman

"Qed nikkritika lill-persuna" - Bedingfield f'dagħdigha dwar "Hyzler tal-Istandards"

Wara li l-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler – li tpoġġa f’din il-kariga mill-Gvern innifsu, bl-approvazzjoni tal-Oppożizzjoni – ħareġ rapport li kkundanna lill-Ministru Carmelo Abela, il-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield infexx f’attakk fuq l-istess Kummissarju.

Meta issa ilna s-snin nisimgħu il-kliem “l-istituzzjonijiet qed jaħdmu” u fl-aħħar xhur, “nistennew ir-rapporti tal-Kummissarju għall-Istandards”, għax George Hyzler f’rapport estensiv ta’ 62 paġna sab li Carmelo Abela kiser l-etika meta uża aktar minn €7,000 fi flus pubbliċi f’reklami, jidher li darras lill-Gvern, u b’mod partikolari lill-Whip tal-Gvern.

Wara li nfexx f’dagħdigħa ta’ attakki fuq “Hyzler tal-Istandards”, Bedingfield infexx ukoll f’attakk fuq istituzzjoni oħra – dik tal-Ombudsman.

Jidher ċar mill-atitudni tal-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield, li l-kliem “nafdaw fl-istituzzjonijiet” ma huma xejn għajr kliem fieragħ li l-membri tal-Gvern qed jużawhom biss meta ma jkollhomx mod ieħor biex iwieġbu għall-mistoqsijiet li jkunu qed isirulhom.