Internazzjonali

Imut il-President ta’ Chad wara ‘konfronti mar-ribelli’

Il-President ta’ Chad, Idriss Deby, miet mill-ġrieħi li ġarrab wara konfronti armati bejn il-qawwiet tiegħu u r-ribelli fin-naħa ta’ fuq tal-pajjiż. Il-konferma, min-naħa tal-Armata, ingħatat wara li r-riżultati proviżorji tal-aħħar elezzjoni wrew li Deby kellu jirbaħ sitt mandat ta’ poter konsekuttiv.

Intant, il-Gvern u l-parlament ta’ Chad xoljew it-tnejn, bil-pajjiż jinsab taħt curfew u bil-fruntieri jinsabu magħluqin

Deby, li kellu 68 sena, kien ilu fil-poter għal 30 sena u kien fost l-aktar mexxejja Afrikani li qatt damu jmexxu pajjiżhom. L-aħħar rapporti qalu li Mahamat Idriss Deby, iben il-President li għandu 37 sena, għandu jiggverna pajjiżu għas-sena u nofs li jmiss. L-istess Mahamat Idriss Deby hu wkoll Ġeneral ewlieni tal-Armata ta’ Chad.