Lokali Parlament

Jeħtieġ bilanċ ġust bejn is-sidien u min jikri

Maria Deguara, PN

Id-deputat Nazzjonalista Maria Deguara qalet fil-parlament li jeħtieġ bilanċ ġust bejn is-sidien u min jikri.

Fil-parlament Maria Deguara qalet li hu tajjeb li l-abbozz jipprovdi li meta sid il-kera jippreżenta rikors quddiem il-Bord li Jirregola l-Kera biex din tiġi riveduta, kull kerrej li ma għandux mezzi għandu bi dritt ikun intitolat għal benefiċċi tal-għajnuna legali.

Tajjeb ukoll li la darba l-kera tiġi speċifikata u kkonfermata, il-Bord li Jirregola l-Kera għandu jwettaq test ta’ mezzi tal-kerrej. Dan biex jiġi stabbilit jekk dan għandux bżonn l-għajnuna finanzjarja min-naħa tal-Istat.

F’dawk il-każi fejn il-kerrej ma jissodisfax il-kriterji tad-dħul u tal-kapital stabbilit mit-test tal-mezzi, il-Bord jiddeċiedi u jagħti permess lill-kerrej jibqa’ jgħix fil-post u jrid jivvakah fi żmien ħames snin.

Tul dawn il-ħames snin il-kerrej jkun obbligat li jħallas lis-sid il-kera doppja li kien soltu jħallas irrispettivament minn kemm verament tkun kera ġusta li tirrifletti r-realtà tas-suq tal-gurnata. Huwa dritt stabbilit ta’ sid il-kera li jamministra l-proprjetà tiegħu u għalhekk mhux ġust li jiġi impost fuqu kif u meta jista’ jieħu l-proprjetà tiegħu lura. Dan ifisser li s-sid tul dawn il-ħames snin ikun qed jiġi mċaħħad milli jirċievi kera li jistħoqqlu.

Min-naħa l-oħra f’dawk il-każi fejn il-kerrej għandu dħul baxx u limitat u allura jissodisfa l-kriterji tad-dħul u tal-kapital tat-test tal-mezzi tal-istess Awtorità, dan m’għandux ibati.

Hu d-dmir tal-Istat li jintervjeni biex dawn il-kerrejja jingħataw għajnuna biex ileħħqu maż-żieda tal-kera li tkun mifruxa fuq medda ta’ żmien. Dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba u ġust u bżonnjuż fil-konfront tal-kerrej.

Però fir-realtà fil-maġġoranza tal-każi s-sid ma jkunx interessat la li jgħolli u lanqas li jġedded il-kera. Aktar u aktar f’dawk il-każi fejn jkollu bżonn il-post bħala post ta’ abitazzjoni għal uliedu jew għal xi membru tal-familja tiegħu. Ikun aktar ġust u jagħmel iżjed sens li kieku f’dawn is-sitwazzjonijiet il-kerrej jingħata post alternattiv mis-social housing biex b’hekk is-sid ikun jista’ jieħu lura dak li hu bid-dritt tiegħu.

Mhux ġust li minkejja li persuna jkollha post jew aktar mikrija għand terzi, uliedu stess jiġu mċaħħda minn ħwejjiġhom u jkollhom jikru mingħand oħrajn b’rata attwali u aktar għolja li jitlob is-suq tal-ġurnata.

Din l-inġustizzja ilha tkarkar magħna għal għexiren ta’ snin u ippersistit taħt amministrazzjonijiet differenti. Soluzzjoni ġusta u fit-tul kienet tkun li fuq medda ta’ snin kellhom jinbnew numru ta’ social housing fejn l-inkwilini fil-kera tal-privat u li verament jistħoqilhom setgħu jingħataw akkomodazzjoni alternattiva biex jivvakaw post li kien mikri lilhom mil-privat qabel in-1995.

Id-deputat Nazzjonalista sostniet li minkejja dan il-fatt il-gvern la lesta u allura lanqas qassam post wieħed biss biex jindirizza din il-problema. Ma nistgħux impoġġu l-kerrejja kollha f’keffa waħda. Hemm kerrejja li sal-lum qatt ma xtraw proprjetà u lanqas qatt ma ħallsu kera għolja. Hemm oħrajn li ma għandhomx la l-finanzi u lanqas biżżejjed taħt rashom biex jixtru proprietà u lanqas ma huma f’pożizzjoni li jħalsu krejjiet għolja. Lil dawn kemm is-soċjetà kif ukoll il-Gvern huma fid-dmir li jgħinuhom. Hemm sidien li għandhom numru ta’ proprjetajiet imma li d-dħul mil-krejjiet tagħhom hu tant baxx li huma stess ma jistgħu jgħixu ħajja diċenti.

Numru kbir ta’ propretarji li wirtu postijiet mikrija lil terzi kellhom iħallsu t-taxxa tas-suċċessjoni fuq il-valur kurrenti tas-suq kif iddikjarat fil-kawża mortis u dan minkejja li ħafna minnhom meta wirtuha kienu qed idaħħlu kera baxxa. Fil-prattika dan ifisser li kellhom iħallsu somma bħala taxxa u jridu jgħaddu snin kbar biex forsi xi darba jirkuprawha mil-kera baxxa li jkunu qed jirċievu.

Mhux biss il-kerrej imma anke is-sid għandu bżonn l-għajnuna. Dan l-abbozz donnu nkiteb mhux biex isolvi l-problema tal-kirjiet protetti darba għal dejjem. Jikber allura s-suspett li l-għan aħħari wara dan l-abbozz hu biex jipposponi għal ftit snin il-problemi li dawn il-kirjiet kienu, għadhom joħolqu sal-ġurnata tal-lum u wisq nibża’ se jibqgħu magħna wara li dan l-abbozz isir liġi. Dan l-abbozz ser jiftaħ il-bibien beraħ għal iktar litigar bejn il-kerrej u sidien. Ħafna iżjed nies se jirrikkorru għal qrati biex jieħdu dak li ħaqqhom u dan il-proċess jista’ jieħu fit-tul, sostniet Maria Deguara.