Lokali

“L-isport huwa ta’ kulħadd” – PN

Il-Partit Nazzjonalista jingħaqad ma’ diversi mexxejja politiċi u ma’ diversi istituzzjonijiet sportivi u l-maġġoranza tal-pubbliku li għandu għal qalbu l-isport, fin-nuqqas ta’ qbil tagħhom għat-twaqqif tal-European Super League.

Sostna dan il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport, Clyde Puli fejn spjega li l-isport huwa valur uniku ta’ kulħadd u
m’ghandux ikun aċċessibbli biss għal dawk li ghandhom il-flus. Li bih wieħed jinkludi u mhux jeskludi.

Filwaqt li wieħed jifhem d-diffikultajiet ekonomiċi li diversi klabbs barranin għaddejjin minnhom, is-soluzzjoni mhix din. Mhix li tifred u min huwa l-iktar b’saħħtu jirbaħ, mentri l-oħrajn jispiċċaw. Hemm post għal kulħadd.

Dan il-pass se jġib żewġ kategoriji li jifirdu dawk li għandhom minn dak li m’għandhomx. Se jġib iktar l-isport li għandu dejjem kemm jistgħu jkun miftuħ lejn wieħed magħluq. Se jwassal sabiex il-ftit jiddominaw u jaqtgħu barra lil dawk li għandhom l-ambizzjoni li jikbru u jirnexxu.

Fuq kollox se tneħħi l-pjaċir sportiv li wieħed jara klabbs ġejjin mil-liema reġjun, belt jew raħal fil-possibbilta’, opportunita’ li jirbħu fi sfidi fejn kull tim jitlaq ugwali mal-ieħor. Li kull plejer, ġej mil-liema klassi jew ambjent, għandu futur quddiemu fejn it-talenti tiegħu jista’ jiżviluppahom.

Il-logħob tal-ballun għandna d-dmir li niddefendu l-prinċipji li jmexxuh, dawk li huwa popolari, demokratiċi u li jirrispettaw il-ġustizzja soċjali. Propju għalhekk li filwaqt li nappellaw sabiex ikun hemm pakkett ta’ miżuri biex dan l-isport importanti jibqa’ għaddej, nittamaw li tirbaħ r-raġuni tas-sewwa u dan il-kampjonat ma jsirx.