Internazzjonali

L-Ukrajna: L-UE inkwetata ferm dwar il-movimenti tat-truppi Russi

Il-Kap tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea, Josep Borrell, qal li r-Russja, fl-aħħar jiem, stazzjonat mal-100,000 suldat mal-fruntiera tal-Ukrajna bħala l-‘akbar stakkament militari tagħha għal snin.’

Borrell qal dan fi Brussell wara laqgħa virtwali għall-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE u fejn aġġorna lill-parteċipanti dwar varjetà ta’ issues, fosthom il-kriżi akuta li żviluppat bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Hu tkellem ukoll dwar it-trattament tal-Kap tal-Oppożizzjoni Russu Alexei Navalny li qed jinżamm fi stat ta’ priġunerija (fir-Russja).

Borrell sostna li r-Russja, fil-preżent, ‘qed tistazzjona l-materjal assoċjat mal-gwerra’ fil-fruntiera mal-Ukrajna u li l-ammont tas-suldati Russi f’dik iz-zona ‘splodew’ mill-15,000 ta’ ftit taż-żmien ilu. Intant, hu ma elaborax fuq id-dettalji iżda, fl-istess ħin, enfasizza li ‘qatt qabel ma kien hemm daqstant numri kbar ta’ suldati Russi pass ‘il bogħod mill-Ukrajna’.

Il-Kap għall-Affarijiet Barranin tal-UE, filwaqt li esprima l-inkwiet profond tiegħu, wissa li ‘sitwazzjoni fejn ikollok zona pakkjata bi truppi waqt kriżi profonda bejn żewġ Stati ġirien tkun dejjem disposta għall-iċken żvilupp li tirrendi s-sitwazzjoni bħala inkontrollabbli’.