Lokali

“Ma nserrħux fuq 70%, iktar ma nlaqqmu nies, iktar aħjar” – Direttriċi WHO

L-effettività tal-herd immunity fil-pajjiż tiddependi minn diversi fatturi. Fost dawn hemm in-numru tat-tfal bħala persentaġġ tal-popolazzjoni f’pajjiż partikolari.

Sostniet dan id-Direttriċi għar-Reġjun tal-Ewropa tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, it-Tabib Natasha Azzopardi Muscat illi fakkret kif sa issa… it-tfal mhumiex jitlaqqmu.

Waqt il-programm Net Live, it-Tabib Azzopardi Muscat qalet li wiehed irid ihares lejn l-effett tal-varjanti tal-virus u għaldaqstant, hi sostniet li pajjiżi m’għandhomx jistrieħu fuq is-70% tal-popolazzjoni imlaqqma ….iżda jimmiraw għall-ikbar persentaġġ possibbli.

Dwar il-possibilita’ li jkun hemm bżonn it-tielet doża ta’ tilqim, it-Tabib Azzopardi Muscat qalet li l-istudji fuq il-persuni li kienu minn tal-ewwel li ħadu l-vaċċin taw riżultati inkoraġġanti …iżda ma teskludix il-bżonn ta’ booster.

Hi wissiet li ħadd m’hu sigur sakemm kulħadd ikun sigur. Jekk pajjiżi jew reġjuni jaqgħu lura u jibqgħu maħkumin mill-virus, iktar hemm ċans li l-virus jiżviluppa varjant li possibilment jegħleb il-vaċċini li ġew żviluppati.

Rigward il-każi rari ta’ trombożi li żviluppaw bħala effett ta’ ċertu vaċċini, it-tabib Azzopardi Muscat saħqet li hemm probabilta’ ħafna ikbar li wieħed imut bil-Covid milli li jsofri dawn l-effetti.