Internazzjonali

Minneapolis tistenna l-verdett fil-ġuri ta’ Derek Chauvin

Il-belt ta’ Minneapolis qed tistenna l-eżitu tal-ġuri ta’ Derek Chauvin li jinsab akkużat bil-qtil ta’ George Floyd.

Wara li l-membri tal-ġurija temmew l-ewwel jum ta’ deliberazzjoni, issa jidħlu fit-tieni jum tagħhom ta’ deliberazzjoni sabiex eventwalment joħorġu bil-verdett tagħhom.

Fl-istat ta’ Minnesota u aktar w’aktar fil-belt ta’ Minneapolis, huma ħafna dawk li qed jistennew bil-ħerqa d-deċiżjoni dwar id-destin ta’ Chauvin.

Bosta jiftakru x-xeni tal-uffiċjal tal-pulizija għarkopptejh fuq għonq Floyd, b’dan tal-aħħar jgħajjat li ma jistax jieħu nifs. Xeni li kellhom ikunu l-aħħar mumenti ta’ ħajjet ir-raġel iswed.

Il-qtil ta’ Floyd kompla qajjem kontroversja u l-ġuri sab li Chauvin għamel 9 minuti u nofs jagħfas fuq għonq Floyd sakemm dan tal-aħħar ma setax jieħu aktar nifs u eventwalment miet.

L-inċident seħħ fil-25 ta’ Mejju tal-2020.