Lokali Qorti

Niġerjan ieħor mixli f’każ ta’ frodi romantiku

Niġerjan ġie akkużat li wettaq reati ta’ ħasil ta’ flus u li kien immaniġġja proprjetà misruqa waqt li kien qed jaġixxi bħala l-intermedjarju fi frodi romantiku onlajn. Godonu Dele ta’ 29 sena li jaħdem fil-kisi u t-tikħil u li joqgħod il-Qawra kien akkużat fuq scam ta’ €21,500 li rat mara anzjana tispiċċa bil-kont bankarju tagħha battal.

Huwa ġie arrestat b’riżultat ta’ investigazzjoni separata ta’ numru ta’ individwi Niġerjani li diġa tressqu l-Qorti. L-akkużat ipprotesta b’mod siket mal-avukat tiegħu hekk kif l-akkużi ta’ ħasil ta’ flus u maniġġar ta’ oġġetti misruqa, kienu qed jinqraw bil-ġurament mill-ispettur Sarah Zerafa.

Dele wieġeb mhux ħati f’każ, li potenzjalment jista’ jwassal għal akkuża quddiem qorti kriminali. L-Avukat Yanika Bugeja, maħtura avukat tal-għajnuna legali għall-akkużat, iddikjarat li mhix se titlob il-libertà proviżorja minħabba li kien hemm bosta xhieda ċivili li għad iridu jixhdu.

Qalet li se tkun qed tagħmel it-talba fi stadju aktar tard. Il-qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni għall-iffriżar tal-assi kollha tar-raġel, miżura standard f’każijiet ta’ ħasil ta’ flus. Il-każ issa se jiġi assenjat skont il-liġi. Il-Maġistrat Audrey Demicoli ppresediet il-każ fejn x’aktarx din kienet l-aħħar ġurnata li ħadmet tal-għassa minħabba li hija waħda mill-erba’ ġudikanti li sar Imħallfin. L-Ispetturi Sarah Zerafa u Claire Borg mexxew il-Prosekuzzjoni, flimkien mal-prosekuturi avukati Sean Xerri de Caro u Karl Muscat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.