Futbol Sport

“Qed nagħmlu dan biex insalvaw il-futbol” – Florentino Perez

F’intervista li ta wara li ġie mħabbar il-European Super League, iċ-Chairman ta’ dan il-kampjonat u l-president ta’ Real Madrid Florentino Perez qal li “dan il-kampjonat ġie ffurmat sabiex jkun salvat il-futbol”.

Fil-programm televiżiv Spanjol El Chiringuito, Perez qal li l-klabbs Ingliżi, Taljani u Spanjoli jridu jsibu mod kif jġibu lura l-flus li tilfu fosthom minnħabba l-pandemija, u dan jistgħu jagħmlu billi jilgħabu aktar logħob kompettitivi. B’hekk għal Perez, is-Super League huwa l-mod ta’ kif jista’ jsalva l-futbol u lil klabbs finanzjarjament.

Fl-intervista Perez saħaq li l-futbol irid jevlovi għaliex żagħżagħ m’għadhomx interessati fil-futbol għaliex il-kwalita’ tal-partiti m’hijiex ta’ livell għoli. Perez qal ukoll li teżisti l-possibilita’ li l-partiti jiqsaru fil-ħin tagħhom għaliex skontu l-istess żagħżagħ m’għadhomx isegwu partita ta’ 90 minuta. Il-President ta’ Real Madrid ikkritika l-format il-ġdid propost għall-UEFA Champions League, kif ukoll assigura lit-timjiet li qed jieħdu sehem fil-kompetizzjonijiet attwali li m’humiex se jitkeċċew minn dan l-istaġun.

Florentino Perez ikkritika wkoll il-mod kif titmexxa l-UEFA kif ukoll lil President attwali Aexander Ceferin, fejn qal li din l-istituzzjoni trid titmexxa b’aktar trasperenza. Filwaqt li ddefenda bis-sħiħ l-ideja ta’ dan il-kampjonat, Perez assigura wkoll lil plejers li dawn se jitħallew jippartertiċipaw f’kompetizzjonjiet internazzjonali, kuntrarju għal dak li qalet il-UEFA.

Minkejja dan, rapporti fil-midja Ingliża irrimarkaw li Florentino Perez biss ħareġ jitkellem fuq din il-proposta, bis-sidien ta’ dawk il-klabbs involuti jibqgħu siekta. Minħabba dan, żewġ klabbs Ingliżi involuti qegħdin jevalwaw il-possibilita’ li joħorġu minn dan il-ftehim.