Lokali

Reporters Without Borders b’kundanna lil Robert Abela

Tliet snin wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-klima tal-libertà tal-istampa f’Malta taħt it-tmexxija tal-Gvern Laburista għadha waħda ta’ inkwiet kbir.

Hekk sostnew Reporters Without Borders dwar is-sitwazzjoni f’pajjiżna, hekk kif il-Gvern żamm il-81 post fl-Indiċi tal-Libertà tal-Istampa … l-agħar post li qatt kiseb pajjiżna mingħajr titjib ta’ xejn fl-aħħar sena.

Dan ifisser li l-libertà tal-espressjoni fil-Gżejjer Maltin hi agħar minn Hong Kong, Sierra Leone, Ghana u Tajwan fost oħrajn.

Reporters Without Borders sostnew li l-attentati tal-Prim Ministru Robert Abela biex iwaqqaf l-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, u proċeduri ta’ SLAPPs fil-konfront ta’ numru ta’ ġurnalisti Maltin huma turija ta’ sistema politika li sservi ta’ sarima ma’ ħalq il-ġurnaliżmu lokali. 

Dan filwaqt li saħqu li hawn diskriminazzjoni biex persuna taċċessa l-informazzjoni kollha b’ineffiċjenza fil-proċess ġudizzjarju li waslu biex iservu ta’ ostakli ħalli l-pubbliku jkun infurmat b’dak kollu li qed jiġri madwaru.

Reporters Without Borders spjegaw ukoll li l-ġurnalisti fil-Gżejjer Maltin għadhom qed jirċievu theddid b’rabta ma xogħlhom, filwaqt li ddeskrivew lill-ġurnaliżmu bħala l-aqwa tilqima għal kontra l-virus tat-tixrid ta’ informazzjoni ħażina.