Lokali Qorti

Sentenza sospiża u multa ta’ aktar minn €75,000 fuq kutrabandu ta’ xorb bla dazju u VAT

Raġel ta’ 49 sena, residenti l-Floriana ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u multa ta’ €75,321.72 wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Nadine Lia li f’Novembru tal-2015 u fix-xhur ta’ qabel dwana kellu xorb ġej mill-kutrabandu li fuqu ma kienx tħallas dajzu tas-Sisa u VAT. 

Fuq dan ix-xorb Ivan (Ivan-Maria) Hallett ma ħallasx dak dovut skont il-liġi. Il-valur tax-xorb b’kollox dan kien jammonta għal total ta’ €53,910.72 fejn fuqu kellu jitħallas  €25,107.24 f’dazju tas-Sisa u €12,433.40 f’taxxa tal-VAT.

Dan il-każ kien ġie solvut wara investigazzjoni ntensa tal-Pulizija u ufficjali tad-Dwana wara li kien instab ammont kbir f’maħżen fi Blata l-Bajda. Waqt din it-tfitxxija kienu nstabu 436 kaxxa b’sitt fliexken f’kull kaxxa vodka, 92 kaxxa b’sitt fliexken f’kull kaxxa whisky, 418 kaxxa b’sitt fliexken f’kull kaxxa Baileys, 21 kaxxa b’sitt fliexken f’kull kaxxa ta’ Liquore di Limone, kif ukoll 95 kaxxa b’sitt fliexken f’ kull kaxxa ta’ Martini Bianco.

Instabu wkoll 2,916 pakkett bi 12-il flixkun u pakkett San Benedetto Thè. Minn dan ix-xorb kien hemm numru minnu li l-importazzjoni tiegħu hija pprojbita jew ristretta. Huwa ammetta wkoll li fit-8 ta’ Mejju 2015 issottometta dokument, datat 19 ta’ Diċembru, 2014, lill-ufficċjali tad-Dwana, li kien wieħed falz.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li bl-ammissjoni tiegħu sabitu ħati tar-reati miġjubin kontrih. Il-Qorti qieset, ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ fosthom il-kondotta ta’ Hallett li filwaqt li mhijiex netta ma jirriżulta xejn allarmanti.

Ġie kkunsidrat ukoll il-fatt li l-amissjoni ta’ Hallett ma sarirx fl-iktar stadju bikri tal-proċeduri, izda saret fl-istadju tad-difiża tieghu. Madankollu la darba din saret waqt il-kawża u qabel l-għoti tas-sentenza finali, l-ammissjoni, għalkemm mhux l-aktar bikrija titqies bhala waħda favur tiegħu.

Il-Qorti hadet konjizzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-partijiet, inkluż l-Avukat Generali dwar il-piena f’każ ta’ ammissjoni. Minn dak li rat u eżaminat il-Qorti hija rat mhux biss l-aspett riformattiv ta’ l-imputat iżda sabet bilanċ bejn il-gravità tal-każ u l-ħarsien u l-interessi tal-vittmi tar-reat u s-soċjetà in generali sabiex tara li dan ir-reat ma jergax jigi kommess kif ukoll taghti l-ħarsien meħtieġ lill-pubbliku.

Għaldaqstant huwa ġie kkundannat ghall-piena ta’ sentejn priġunerija sospiżi għal erba’ snin kif ukoll multa ta’ €75,321.72 li terz minnhom, €25,107.24 għandu jitqies bħala dejn ċivili addebitat u li jrid jitħallas lid-Dipartiment tad-Dwana. Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska tax-xorb. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Doriette Cuschieri.