Coronavirus Ekonomija Lokali

Silvio Schembri mingħajr tweġiba għal tar-ristoranti u tal-bars

Wara li fil-jiem li għaddew Owen Bonnici, l-Ministru responsabbli mill-Ko-ordinazzjoni tal-Istrateġija Post Covid-19…wera li għadu mingħajr l-istrateġija…it-Tlieta filgħodu, l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri ta x’jifhem li m’għandux idea meta se tibda ddur ir-rota ekonomika ghas-sidien tar-ristoranti u l-barijiet.

Mistoqsi direttament minn Net News jekk għandux timeline preċiż għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin il-Ministru Schembri farfar fuq l-awtoritajiet tas-Saħħa.

Filwaqt li Silvio Schembri ma offra ebda serħan il-moħħ lil dawn is-sidien ta’ negozji u professjonisti li uħud minnhom ilhom ma jahdmu ‘il fuq minn sena – bosta sidien qed jinsistu li l-wage supplement mhux qed ikun biżżejjed sabiex isalvaw ħobżhom.

Fost l-oħrajn, l-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering li ftit tal-jiem ilu insistiet li din is-sistema kienet tajba temporanjament sabiex jitħallsu l-pagi tal-ħaddiema…madanakollu business li ma jkollu l-ebda ntrojtu hija sitwazzjoni ekwivalenti għal sentenza tal-mewt.

L-ACE insistiet li f’sena, minn Marzu tal-2020 sa xahar ilu, diġà spiċċaw jagħlqu 1 minn kull 5 ristoranti fil-pajjiż minħabba li ma felħux għad-daqqa tal-pandemija.